Din id-darba jmiss li nitkellmu mal-attur Malcolm Ellul, li ċertament huwa wiċċ familjari magħkom is-segwaċi.
Malcolm se jkun qed jinterpreta karattru fis-serje, Luna, produzzjoni ġdida oħra minn Rikordja.
X’se jkun jismu l-karattru tiegħek u kif tiddeskrivih?
Gugliermo Gulino, magħruf bħala “El Patri”. Huwa karattru partikolari ħafna għax huwa l-kap ta’ organizzazzjoni mafjuża fi Sqallija kif ukoll raġel tal-familja. Huwa jiġi missier Luna.
Għandu kredu wieħed u dan huwa li ĦADD ma jiċċajta mal-isem tal-familja u jekk xi ħadd jonqos lejn il-familja, triq waħda biss hemm … il-mewt.
Għandu xi karatteristiċi simili tal-karattru reali tiegħek?
L-imħabba ġenwina lejn il-familja, id-determinazzjoni fil-perfezzjoni u l-ambizzjoni li dejjem inkun fil-kontroll ta’ kull sitwazzjoni, huma tlett karatteristiċi simili.
U x’għandu differenti?
Għall-grazzja t’Alla, m’għandix l-intenzjoni li noqtol lil kull min naqasni b’xi mod għax kieku ma tantx baqa’ nies Malta!
X’jogħġbok l-aktar mill-karattru u xi jdejqek l-aktar?
Ovvjament, jogħġobni ħafna l-fatt li dan huwa karattru aggressiv għax din tagħtini l-opportunità li ninterpreta emozzjonijiet differenti minn dak li ngħix ta’ kuljum, u r-rwol jiġi purament reċtar u allura aktar ta’ sfida biex iżżommu matul il-produzzjoni kollha.
Jogħġobni inqas il-fatt li Gugliermo ma jħammiġx idejh u dak li jwettaq jordna lil ħaddieħor biex jagħmlu. Għal ħafna dak huwa forsi turija ta’ poter. Għalija, hija dgħufija fil-karattru.
X’inhi l-akbar sfida li sibt fl-interpretazzjoni ta’ dan il-karattru?
Bla dubju ta’ xejn, il-konsistenza. Il-karattru ried jinżamm fin-niket u fil-ferħ, fir-rabja u fil-mumenti ta’ orgolju. Hemm elementi bit-Taljan, hemm djalogi twal u intensivi fejn l-atteġġjament huwa iktar sinifikanti mid-diskors. Grat li kelli diretturi li mexxewni biex inżomm din il-konsistenza.
Mingħajr ma tiżvela ħafna, hemm xi xena li żgur qatt mhu se tinsa? Għaliex?
Kien hemm xena fejn f’mument ta’ rabja kelli nkisser kull ma nara quddiemi. Però konna qed niffilmjaw f’post misluf fejn kien hemm antikitajiet ta’ valur kbir fejn jekk sempliċement taqa’ labra, is-sid kien jittawal biex jara li kollox sew. Kienet sfida mhux żgħira li niġbdu din f’one take shot mingħajr ma nagħmlu ħsara u mingħajr ma jweġġa’ ħadd. Irnexxiet però.
Hemm xi karattru partikolari ieħor li taħseb li se jħalli impatt fuq it-telespettaturi?
Kull karattru għandu sehem u skop essenzjali fuq kif tiżvolġi l-istorja. Naħseb li l-mara tiegħi, Donna Pina, ħa tħalli impatt qawwi mat-telespettaturi għall-mod kif tilgħab il-karti tagħha u kif tinterpretah.
Għaliex it-telespettaturi għandhom isegwu Luna?
L-istorja hija mimlija intriċċi u se teħodna fil-ħajja ta’ familja mafjuża fid-disgħinijiet ta’ Sqallija. Dak li jiġri hemm huwa impressjonanti, makabru, vjolenti u sesswali u din it-taħlita ta’ emozzjonijiet hija riċetta perfetta għat-telespettatur Malti li jkun dejjem qiegħed jistenna fuq ix-xwiek biex jara kif l-istorja se tiżvolġi.
Is-serje Luna se tibda tixxandar minn nhar il-Ħamis, is-6 ta’ Ottubru fid-20:40, fuq Tokis (GO TV)
