Illum kompla jinstema’ l-każ ta’ Abner Aquilina, iż-żagħżugħ ta’ 20 sena, li qed jiġi akkużat li fit-2 ta’ Jannar qatel lil Paulina Dembska.

Skont rapporti minn TVMNews, fost dak li ħareġ illum mix-xhieda, intqal li Abner Aquilina beda jgħid quddiem pulizija, “Magnets qed iġegħluni noħroġ minn hawn u noqtol aktar nies.”

Xhud ieħor kien it-tabib forensiku u espert tal-Qorti, li qal li fost oħrajn, il-vittma kellha blunt trauma fuq wiċċha u fuq għonqha, kif ukoll leżjonijiet fuq kuxxtejha u sidirha. Mill-investigazzjonijiet forensiċi rriżulta wkoll li saret pressjoni fuq għonqha b’xalpa kif ukoll b’mod manwali mill-aggressur fuq l-għonq. Fuq il-vittma nstabu wkoll grif kif ukoll indikazzjonijiet li kien hemm penetrazzjoni sfurzata.

Instabu wkoll leżjonijiet ta’ konfrontazzjoni fuq Abner, għaldaqstant it-tabib spjega li dan ifisser li Paulina kienet konxja waqt l-istupru u ppruvat tirreżisti. Qal ukoll li l-vittma mititx f’daqqa iżda kienet konxja li qed tmut.

Fil-fatt mill-awtopsja ġie wkoll ikkonfermat li Paulina mietet fgata minn pressjoni manwali fuq l-għonq.

Skont TVMNews, waqt li l-Maġistrat kienet qed titkellem, Abner Aquilina intervjena tliet darbiet, u f’ħin minnhom huwa qal li dehritlu l-Madonna ta’ Lourdes.

Il-kawża ġiet differita għall-14 ta’ Novembru.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks