“Xiex?” staqsietu hi, b’dik il-ħarsa li kien tant sar iħobb.
“Biex tgeżwirli ktieb ieħor, jekk jogħġbok.” Kien kważi beda jirrabja miegħu nnifsu.
“Tidher li tħobb taqra,” weġbitu.
U mar lura lejn id-dar jagħfas il-ktieb imgeżwer f’idu.
L-għada, kien iddeċieda li jgħidilha żgur.
“Min jaf……….kieku……….min jaf?” beda jistaqsiha.
“Ingeżwirlek ktieb,” qatgħetlu d-diskors hi.
U qabad taha ktieb li ġie għal idejh u beda jgerger minn taħt.
Iżda dakinhar……………
Dakinhar, li kien jaħbat il-Ġimgħa filgħaxija, kien irnexxielu jikteb in-numru tal-mobajl tiegħu fuq biċċa karta. U poġġa l-karta fuq il-bank ħalli malli jneħħi l-ktieb l-imgeżwer setgħet tarah.
U hi rat in-numru, hekk kif Lee telaq ‘il barra mill-ħanut b’rasu mgħaddsa bil-mistħija.
Ylenia qabdet il-karta li kien ħallielha minn fuq il-bank u baqgħet tħares hemm bilwieqfa, b’idejha tirtogħod.
U eżatt malli sebaħ il-Ħadd filgħodu, Lee irċieva telefonata.
“Lee…….” ħass qalbu trid toħroġ minn ġol-qafas ta’ sidru.
“Ylenia……”
“Inħobbok. Grazzi.”
U qatgħet il-linja.
Għalkemm beda jipprova jċempel lura dak in-numru kemm-il darba, Ylenia ma qabditux u Lee kien beda jirrassenja ruħu li hi ma kellhiex interess fih.
U għalhekk stenna sat-Tnejn filgħodu.
Iżda xħin mar lura x-xogħol, Ylenia ma kinitx qiegħda hemm.
“Ylenia mhix xogħol illum?” staqsa lil Rudy, li kien qed jirranġa xi kotba fuq xi xkaffa.
“Mela ma smajtx?” staqsieh dak xi ftit inkwetat.
Lee għamillu le b’rasu.
“Smajt fuq l-aħbarijiet li eżatt malli telqet minn hawn il-Ġimgħa filgħaxija tajritha karozza. U wara li kienet gravi, ilbieraħ mietet!”
“Mietet?” staqsieh Lee kważi jaqta’ n-nifs.
Mingħajr ma qagħad jaħsibha darbtejn, infaqa’ jibki, seħet lilu nnifsu u telaq jiġri lejn id-dar. Qabad il-kaxxa l-kbira tal-kartun, li kienet mimlija kotba u beda jċarrat il-karti li kienu mgeżwrin fihom.
Inħasad.
Kull ktieb, kull wieħed kellu nota!
Lee beda jqatta’ u jqatta’……….isib iżjed noti. U iżjed noti. Nota għal kull ktieb illi hu kien xtara.
“Jiena għandi grazzja miegħek……..jekk tkun trid li niltaqgħu, dan in-numru tiegħi.”
“Min jaf……..kieku………min jaf………..kieku kellna noħorġu waħda flimkien jiena u inti?”
“Illum bdejt taħdem magħna. U jiena nixtieq insir nafek aħjar.”
“Jiena nistħi ngħidlek dak li nħoss għax nibża’ li m’għandekx grazzja miegħi.”
Lee baqa’ mbellah. Qatt ma stenna li Ylenia kellha grazzja miegħu hi ukoll. U li issa…………issa kien tard wisq.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks