Kmieni dalgħodu diversi bliet madwar l-Ukrajna qamu maħsuda b’diversi splużjonijiet, inkluż il-belt kapitali Kiev. Dan seħħ wara li fi tmiem il-ġimgħa splużjoni kbira għamlet ħsarat lill-pont li jgħaqqad ir-Russja u l-Krimea.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskyy qal li l-mewġa ta’ missili li laqtet l-ibliet ewlenin fl-Ukrajna, kienu immirrati lejn il-faċilitajiet tal-enerġija tal-pajjiz u lejn in-nies, fejn ħallew persuni ‘mejta u midruba.’ Fil-fatt skont informazzjoni preliminari mill-Ministeru tal-Affarijiet Interni Ukren, minn ta’ l-inqas tmien persuni nqatlu u 24 ndarbu f’wieħed mid-diversi attakki li seħħew dalgħodu fi Kiev.

Il-mexxejja Ewropej ikkritikaw l-attakki tal-missili Russi fuq l-Ukrajna. Fil-fatt il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, tenniet li dak li qed jiġri qed juri lid-dinja, għal darb’oħra “ir-reġim li qed niffaċċjaw – wieħed li jimmira b’mod indiskriminat. Wieħed li jnissel it-terrur u l-mewt fuq it-tfal.”

Hija kompliet billi saħqet li “dan huwa att kriminali. Huma se jinżammu responsabbli. L-Ukrajna se tirbaħ. L-Ewropa mhux se ddawwar wiċċha.”

Intant il-Viċi Prim Ministru tal-Moldova qal li l-missili sparati mir-Russi fuq l-Ukrajna dalgħodu kisru l-ispazju tal-ajru ta’ pajjiżu. Fuq twitter Nicu Popescu, kiteb “Tliet missili sparati fuq l-Ukrajna dalgħodu minn bastimenti Russi fil-Baħar l-Iswed qasmu l-ispazju tal-ajru tal-Moldova.”

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks