Illum, l-10 t’Ottubru, huwa l-jum iddedikat għall-għarfien dwar is-saħħa mentali. L-għan ta’ dan il-jum huwa li nagħtu importanza kbira lis-saħħa mentali għaliex hija għandha rwol ewlieni fil-benesseri ġenerali tagħna.

Il-ħajja tiġi b’ħafna pressjonijiet u stress u, għalhekk, ħafna nies jesperjenzaw xi forma ta’ problema ta’ saħħa mentali li taffettwa l-burdata tagħhom temporanjament. Meta s-sintomi jippersistu u jibdew jaffettwaw il-kapaċità tal-individwu fid-dar jew fuq ix-xogħol, il-persuna tkun qed tesperjenza mard mentali.

Huwa importanti li tkunu tafu li tkun b’saħħtek mhuwiex biss limitat ma’ li tkun fiżikament b’saħħtek. Is-saħħa mentali tagħna hija essenzjali! Għalhekk huwa importanti ħafna li nkunu konxji tal-istat mentali tagħna u tan-nies ta’ madwarna.

Li kulħadd fid-dinja jsir aktar konxju tal-kwistjonijiet li jiffaċċjaw nies li qed jitħabtu mas-saħħa mentali huwa mod tajjeb ħafna biex toffri l-bidu ta’ soluzzjoni għall-problema. Iktar ma jkunu jafu nies, aktar jistgħu jgħinu fil-prevenzjoni jew ifittxu l-għajnuna.

Problemi ta’ saħħa mentali, li jvarjaw minn kwistjonijiet bħad-dipressjoni u disturbi ta’ ansjetà għal kundizzjonijiet bħall-iskiżofrenja jew id-disturb bipolari, jaffettwaw miljuni ta’ nies madwar id-dinja.

Fil-fatt, skont statistika, wieħed minn kull erba’ persuni jesperjenzaw xi tip ta’ problema ta’ saħħa mentali matul ħajjithom u ħafna aktar jaraw ħbieb jew membri tal-familja li jkunu affettwati.

Kontu tafu li l-Jum Dinji għal għarfien dwar is-Saħħa Mentali ġie stabbilit fl-1992 mill-Federazzjoni Dinjija għas-Saħħa Mentali?

L-iskop ta’ din il-ġurnata hi li titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, iżżid l-edukazzjoni dwar is-suġġett u tipprova telimina l-istigma. L-għan prinċipali huwa li tħeġġeġ lil dawk li jbatu biex ifittxu għajnuna u appoġġ.

Inti li qed taqra dan l-artiklu tajjeb li tkun taf li r-Richmond Foundation toffri diversi servizzi ta’ għajnuna li jvarjaw minn gruppi ta’ appoġġ u soluzzjonijiet ta’ għajxien assistit, għal programmi edukattivi u servizzi ta’ konsulenza. Apparti dan, din il-fondazzjoni tipprovdi għajnuna b’xejn lill-individwi li għandhom bżonnha iżda ma jistgħux iħallsu għalija.

Richmond Foundation qed tesperjenza żieda fid-domanda għas-servizzi tagħha iżda tnaqqis fid-dħul finanzjarju. Minkejja dan, huma baqgħu impenjati u qed jaħdmu aktar minn qatt qabel biex jiżguraw servizzi kontinwi lill-persuni fil-bżonn. Għalhekk, jekk inti tixtieq li din il-fondazzjoni tkompli tagħmel aktar ġid fil-kommunita, agħti d-donazzjoni tiegħek sabiex tkompli tipprovdi t-terapija b’xejn lil minn hu fil-bżonn.

Ftakar dejjem tieħu ħsieb tiegħek innifsek, għaliex int persuna importanti!

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks