Illum, 11 t’Ottubru, huwa il-Jum Internazzjonali tal-Bniet, li l-għan tiegħu huwa li jitfa’ dawl u jiġġieled l-inġustizzji u l-inugwaljanzi li jiffaċċjaw il-bniet minħabba s-sess tagħhom.

Il-Jum Internazzjonali tat-Tfal Bniet titfa’ l-attenzjoni fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-inġustizzji bħaż-żwieġ tat-tfal u diversi sfidi oħra, bħal sfruttament sesswali, li jkollhom iħabtu wiċċhom il-bniet. Għandhom l-għan ukoll li jimbuttaw l-innovazzjoni tal-edukazzjoni għall-bniet, u t-taħriġ ta’ nisa żgħażagħ b’ħiliet biex jgħinuhom jisbqu fuq il-post tax-xogħol.

Din is-sena, qed jiġi mfakkar l-10 anniversarju tal-Jum Internazzjonali tal-Bniet. Ta’ kull sena , tintgħażel tema għal dan il-jum. Fil-fatt għal din is-sena, it-tema hija: “Żmienna huwa issa, id-drittijiet tagħna, il-futur tagħna”.

L-enfasi hija fuq l-għadd kbir ta’ sfidi mqiegħda quddiem il-bniet biex jilħqu l-potenzjal tagħhom. Dawn l-isfidi marru għal agħar minħabba l-kriżijiet kontinwi tat-tibdil fil-klima, il-COVID-19 u l-kunflitt umanitarju madwar id-dinja. Il-bniet kuljum qegħdin jissieltu ma’ kwistjonijiet relatati mal-edukazzjoni tagħhom, mal-benessri fiżiċi u mentali tagħhom, u li jgħixu ħajja mingħajr vjolenza.

Kien fl-1995, fil-Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f’Beijing, li l-pajjiżi adottaw unanimament id-Dikjarazzjoni ta’ Beijing u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni; dan kien l-aktar pjan progressiv li qatt sar għall-avvanz tad-drittijiet mhux biss tan-nisa iżda tal-bniet. Id-dikjarazzjoni ta’ Beijing hija l-ewwel waħda li speċifikament sejħet id-drittijiet tal-bniet.

Fid-19 ta’ Diċembru tal-2011, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni 66/170 biex iddikjara l-11 ta’ Ottubru bħala l-Jum Internazzjonali tat-Tfal Bniet; dan biex tirrikonoxxi d-drittijiet tal-bniet u l-isfidi uniċi li l-bniet jiffaċċjaw madwar id-dinja.

Kontu tafu, li sfortunatament, sa 10 miljun tifla se jkunu f’riskju ta’ żwieġ tat-tfal?

L-effetti profondi tal-pandemija tal-COVID-19 qed ipoġġu lill-bniet f’riskju ogħla ta’ żwieġ bikri minħabba taħlita ta’ xokkijiet ekonomiċi, għeluq ta’ skejjel u interruzzjonijiet fis-servizzi tas-saħħa riproduttiva.

Kun parti minn din il-ġurnata billi tqajjem kuxjenza dwar u tinvolvi ruħek fil-kampanja kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza li l-bniet jiffaċċjaw madwar id-dinja.

LE GĦAŻ-ŻWIEĠ TAT-TFAL. LE GĦALL-VJOLENZA. DRITT GĦALL-EDUKAZZJONI. DRITT GĦAL XOGĦOL. DRITT GĦAL ĦLAS UGWALI.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks