Ad unur l-attriċi Angela Lansbury, li mietet nhar it-Tlieta li għadda fl-età ta’ 96 sena, l-ammiraturi tagħha qed ixerrdu fuq il-midja soċjali, prestazzjoni li tat l-istilla fl-2016, tal-kanzunetta mill-film animat ta’ Disney, Beauty and the Beast.

Il-filmat reġa’ tfaċċa fuq Twitter, wara li l-attur Rob Madge qasmu biex ifakkar il-memorja tagħha wara l-aħbar tal-mewt tagħha.

Il-filmat huwa meħud mill-25 anniversarju tal-film fil-Lincoln Center ta’ New York City. Lansbury hija akkumpanjata minn atturi lebsin bħala l-protagonisti tal-film, Belle u l-Beast, kif ukoll mill-kompożitur Alan Menken fuq il-pjanu.

Lansbury interpretat wieħed mill-karattri favoriti fil-film, Mrs Potts, il-kap tal-kċina li kienet inbidlet f’kitla. Fi tmiem il-prestazzjoni, Lansbury għamlet referenza għal iben Mrs Potts, Chip, li kien inbidel f’kikkra.

F’intervista mal-Istitut tal-Films Amerikan, fl-2007, Lansbury qalet li Mrs Potts bidlet kif kienu jarawha t-tfal.

Minħabba li qabel kienet interpretat karattri ħorox, xi tfal kieku jibżgħu minnha, iżda wara Mrs. Potts, is-sitwazzjoni nbidlet u t-tfal kienu jifirħu u jeċitaw ruħhom xħin jarawha.

Fl-istess intervista, Lansbury semmiet li l-kanzunetta “Beauty and the Beast” kienet ir-raġuni li kisbet ir-rwol ta’ Mrs Potts.

Hija qalet li l-kanzunetta hija għal qalbha ħafna. Irrakkuntat kif l-ewwel darba li semgħet il-kanzunetta kienet fuq demo tape, mibgħut mill-kompożituri Alan Menken u Howard Ashman, u li fuqu kellha nota b’mistoqsija, jekk tixtieqx tkanta din il-kanzunetta u tinterpreta il-karattru tal-kitba żgħira fil-film.

Lansbury stqarret li ma kinitx ċerta jekk setgħetx tidħol għaliha u tagħmel dak li kien mistenni minnha, minħabba li ma kinitx miktuba bl-istil li kienet imdorrija bih. Madankollu, baqgħu jippersistu u qalulha biex tkantaha kif timmaġina li din il-persuna ċkejkna tinstema’ u mbagħad jiddeċiedu wara li jisimgħu l-interpretazzjoni tagħha.

U hekk sar, bagħtet lura d-demo tagħha tal-kanzunetta, u minn hemm twieldet Mrs Potts!

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks