Illum it-12 t’Ottubru, hija l-festa liturġika tal-Beatu Carlo Acutis, l-ewwel persuna li twieled f’dan millennju, li ġie beatifikat mill-Knisja Kattolika.
Carlo Acutis twieled ġewwa Londra u trabba f’Milan, minn ġenituri sinjuri li ma kinux partikolarment reliġjużi. Malli rċieva l-ewwel tqarbina tiegħu fl-età ta’ seba’ snin, Carlo sar komunikant frekwenti, u ta’ kuljum kien jitlob quddiem it-tabernaklu qabel jew wara kull quddiesa.
Bħal kull tifel u tifla, Carlo kellu diversi passatempi, fosthom kien iħobb jara l-films, il-komiks, il-futbol, u jilgħab logħob tal-kompjuter popolari.
Fl-iskola, Carlo kien jipprova jfarraġ lill-ħbieb tiegħu, li l-ġenituri tagħhom kienu għaddejjin mid-divorzju, kif ukoll kien jiddefendi lill-istudenti b’diżabilità mill-bullying.
Wara l-ħin tal-iskola huwa kien jagħmel volontarjat ma’ nies bla dar u fil-bżonn tal-belt. Acutis kien ukoll meqjus minn xi wħud bħala l-guru tal-kompjuter, tant li qatta’ erba’ snin joħloq websajt iddedikata għall-katalogar ta’ kull miraklu Ewkaristiku rapportat madwar id-dinja.
Dijanjostikat bil-lukimja, Carlo offra t-tbatijiet tiegħu lil Alla għall-intenzjonijiet tal-Papa Benedittu XVI, u l-Knisja kollha. Ix-xewqa tiegħu li jżur kemm jista’ jkun siti ta’ mirakli Ewkaristiċi twaqqfet mill-marda tiegħu. Carlo miet fl-2006 u ġie beatifikat fl-2020.
Fuq xewqa tiegħu, Carlo ġie midfun f’Assisi fis-‘Santuario della Spogliazione’ ta’ Santa Marija Maġġuri, fejn Franġisku kien rritorna ħwejġu lil missieru u beda jsegwi l-Evanġelju aktar radikali.
Biex jiġi ċċelebrat it-tieni anniversarju mill-beatifikazzjoni tal-Beatu Carlo Acutis u l-festa liturġika tiegħu, il-belt Taljana ta’ Assisi, qed tospita sett ta’ avvenimenti li bdew fil-ġranet li għaddew. Waqt din iċ-ċelebrazzjoni ġie ppreżentat ktieb miktub minn ommu, bl-isem ta’ ‘Il segreto di mio figlio’ (Is-Sigriet ta’ Ibni) miktub minn ommu Antonia Salzano, li hija stess ġiet ikkonvertita mill-ġdid għall-fidi Kattolika minn Carlo.
It-Tnejn li għadda, fiċ-ċentru storiku ta’ Assisi ġiet inawgurata soup kitchen għal nies fil-bżonn u pellegrini. Il-kċina se topera f’sinerġija max-xelter ‘Casa Papa Francesco’ fil-viċinat tal-Bażilika ta’ Santa Maria degli Angeli.
Kontu tafu li r-relikwa tal-Beatu Carlo Acutis se tkun esposta b’mod permanenti fil-knisja Santa Marija ta’ Ġesù, fil-Belt Valletta, jew kif inhi magħrufa aħjar, bħala ‘Ta’ Ġieżu’?
Iktar ma nirċievu l-Ewkaristija, iktar insiru bħal Ġesù, biex fuq l-art ikollna togħma tal-ġenna.
