Uffiċjal tal-Kunsill tas-Sigurtà Russa ġie kkwotat li qal li jekk l-Ukrajna tissieħeb fl-alleanza militari tan-NATO mmexxija mill-Istati Uniti, il-gwerra fl-Ukrajna teskala fit-Tielet Gwerra Dinjija.

Sigħat biss wara li l-President Russu fit-30 ta’ Settembru, iffirma dokumenti biex sa 18% tal-Ukrajna ssir parti mir-Russja, il-Presideng Volodymyr Zelenskyy ħabbar li ffirma l-applikazzjoni uffiċjali biex l-Ukrajna tissieħeb b’mod mgħaġġel man-NATO.

Madankollu, is-sħubija sħiħa tal-Ukrajna fin-NATO tinsab ferm ‘il bogħod. Dan għaliex it-30 membru tal-alleanza kollha jridu jagħtu l-kunsens tagħhom biex is-sħubija tkun tista’ ssir.

Id-deputat segretarju tal-Kunsill tas-Sigurtà tar-Russja, Alexander Venediktov ġie kkwotat li qal li Kyiv hija konxja sew li pass bħal dan ikun ifisser eskalazzjoni garantita għat-Tielet Gwerra Dinjija.

Venediktov, li huwa deputat tas-Segretarju tal-Kunsill tas-Sigurtà Nikolai Patrushev, alleat qawwi ta’ Putin, qal li ħass li l-applikazzjoni tal-Ukrajna kienet propaganda hekk kif il-Punent jifhem il-konsegwenzi tas-sħubija tal-Ukrajna fin-NATO.

Putin fil-21 ta’ Settembru wissa lill-Punent li ma kienx qed jiblaffja meta qal li se jkun lest juża l-armi nukleari biex jiddefendi lir-Russja kontra dak li qal li kien “rikatt nukleari” mill-potenzi ewlenin tal-Punent.

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal li d-dinja qed tiffaċċja l-akbar riskju ta’ katastrofi nukleari mill-Kriżi tal-Missili Kubani tal-1962.

Ir-Russja u l-Istati Uniti huma bil-bosta l-akbar poteri nukleari: huma jikkontrollaw madwar 90% tal-warheads nukleari tad-dinja.

Venediktov qal li s-sejħa ta’ Zelenskyy għal strajks preventivi kontra r-Russja kienet perikoluża, u wissa li l-gwerra nukleari jkollha konsegwenzi katastrofiċi għad-dinja.

Huwa qal li gwerra nukleari taffettwa d-dinja kollha, mhux biss ir-Russja u l-Punent kollettiv, iżda kull pajjiż fuq din il-pjaneta u l-konsegwenzi jkunu diżastrużi għall-umanità kollha.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks