Ftit tal-ġranet ilu, fuq TVAM, ippreżentat minn Keith Demicoli, kellu lil Angela Bettoni u lil Brandon Terribile, bħala l-mistiedna fuq is-sufan tiegħu, fejn tkellmu fuq l-inklużjoni u r-rappreżentazzjoni fuq it-televiżjoni, permezz tal-programm ġdid tagħhom Action.
Waqt il-programm TVAM, Angela Buttoni, li hija wkoll attriċi, tkellmet dwar l-esperjenza tagħha fix-xandir Malti, hekk kif hija l-ewwel persuna li tgħix bid-down syndrome, li qed tippreżenta programm televiżiv.
Entużjasta u enerġetika, hija saħqet kif b’din l-opportunità qed jingħata sens ta’ appartenenza lin-nies oħra fil-kommunità tad-down syndrome li jaraw waħda minnhom fuq it-televiżjoni Maltija.
Brandon Terribile kien il-moħħ wara dan il-programm; programm li b’differenza mis-soltu, mhux jiddiskutu l-inklussività, imma l-inklussività tkun verament integrali fih. Huwa tkellem dwar kif Angela dejjem titkellem dwar l-importanza tar-rappreżentazzjoni; rappreżentazzjoni ta’ kull tip fuq it-televiżjoni Maltija.
Għalhekk, billi kien diġà ħadem magħha, u jaf li hija għandha kunfidenza qawwija, u tistudja wkoll il-performing arts, ħareġ bl-idea li jippreżentaw flimkien il-programm Action, li huwa dwar l-industrija tal-midja u l-films.
Filwaqt li saħaq li n-normalità ma teżistix, Terribile sostna kemm hi importanti għalih id-diversità. Jemmen ħafna li d-diversità għandha tkun kullimkien, fuq il-post tax-xogħol, fil-qasam tal-ispettaklu u anke fuq l-istazzjon nazzjonali. Huwa sostna li dak kollu li jipproduċi fuq il-palk, kif ukoll fuq it-televiżjoni jrid ikun aċċessibbli għal kulħadd.
Action jixxandar kull nhar ta’ Tnejn, it-Tlieta, il-Ħamis, u l-Ġimgħa, fit-15:15 fuq TVM.
F’isem it-tim ta’ Skoperta, nawguraw lil Angela aktar suċċessi fil-karrieri tagħha, ta’ attriċi u preżentatriċi!
