Illum skoperta.net se jlaqqagħkom ma’ tifel bl-isem ta’ Cody, li l-istorja tiegħu żgur se tħalli impatt fuqek li qed taqra.

Min hu Cody?

F’kuntatt magħna, il-ġenituri ta’ Cody, tifel ta’ 7 snin, iddeskrivew lil binhom bħala tfajjel enerġetiku, mimli kariżma, soċjevoli, avventuruż u sportiv. Huma spjegawlna kif ta’ sentejn, Cody kien ġie dijanjostikat bl-immune thrombocytopenia purpura (ITP), li fi ftit kliem tfisser kundizzjoni fid-demm ikkaratterizzata minn tnaqqis fin-numru ta’ plejtlits fid-demm. Il-plejtlits huma ċelluli fid-demm li jgħinu biex iwaqqfu n-nixxijiet. Tnaqqis fil-plejtlits jista’ jikkawża tbenġil, dmija fil-ħanek, u nixxijat interni.

Il-ġenituri qalulna li għall-ewwel bdew jinnutaw tbenġil madwar ġismu speċjalment fuq saqajh, però qatt ma ħasbu xejn ħazin, għall-fatt li ta’ dik l-età huwa normali li tfal jaħbtu jew jaqgħu.

Madanakollu, ġurnata minnhom, waqt li t-tifel kien qed jilgħab bir-rota, ħabat u l-manku tar-rota laqtitu fin-nofs ta’ sidru. Dak il-ħin huwa qam normali u kompla jilgħab, mingħajr biki u uġigħ.

Kien wara ftit jiem, meta kienu qegħdin jippreparaw biex joħorġu jieklu ma’ xi ħbieb tagħhom, meta omm it-tifel innotat tbenġila vjola u kbira f’nofs sidru. Immedjatament ħaduh għand it-tabib tagħhom, u minn hemm bagħathom dritt l-isptar.

Fi ftit sigħat, ġewwa l-emerġenza, lil Cody sarulu diversi testijiet biex jaraw x’kien qed jiġri eżattament.

Id-dinja ta’ dawn il-ġenituri tqalbet ta’ taħt fuq hekk kif ġew imsejħa f’kamra biex ikellimhom it-tabib dwar ir-riżultati tat-testijiet. “Mument li l-ebda ġenitur u l-ebda persuna m’għandha tgħaddi minnu” jgħidilna missier Cody.

Waqt li kienu qed jistennew, bid-dmugħ f’għajnejhom, għax ma kinux ippreparati għal dak li t-tabib kellu xi jgħidilhom, Cody, bħal ma jagħmlu tfal oħra, beda jiġri u jdur, u kien se jaħbat ma’ kabinett. Kien hawnhekk meta t-tabib inħasad u qalilhom dwar il-kundizzjoni tat-tifel tagħhom u x’għandhom bżonn jagħmlu.

Il-każ ta’ Cody ngħata f’idejn il-mibki u tant maħbub, Dr Victor Calvagna.

Missier Cody ddeskriva lil Dr Calvagna bħala “wieħed mill-aqwa tobba li qatt iltqajna miegħu. Tana t-tama u ggwidana fuq dak li kien hemm bżonn isir u l-mediċini li kellu bżonn jieħu Cody.”

Minn hemm hekk Cody, flimkien mal-ġenituri tiegħu, beda l-vjaġġ mhux daqstant faċli. Sakemm kien hemm sinjali ta’ progress f’saħħtu, Cody kien jeħtieġ li jmur għal test tad-demm kull ġimgħa.

F’każ li t-tifel kien ikollu xi deni jew riħ, kien ikollhom iqattgħu ftit jiem l-isptar.

Din kienet il-ħajja ġdida li l-ġenituri, flimkien ma’ binhom kellhom jadattaw ruħhom għaliha. Iżda maż-żmien bdew jitfaċċaw xi sinjali żgħar ta’ progress.

Madanakollu, l-akbar sfida għalihom kienet li jżommu lil Cody sikur, billi ma jħalluhx jagħmel l-ebda sport li jirrikjedi kuntatt fiżiku jew xi ħaġa simili li seta’ jħalli impatt ikrah fuq saħħtu. Għalkemm ippruvaw jeħduh jgħum u sa anke ħaduh għat-taħriġ tal-futbol, Cody ma tantx kien interessat.

Kif nibtet l-imħabba ta’ Cody għall-karting u x’impatt għamel dan l-isport fil-ħajja tiegħu u tal-ġenituri?

F’għeluq l-4 snin tiegħu, ommu u missieru xtrawlu nintendo bi steering wheel u sett paddles. Il-missier irrakontalna kif wara li għaddew ftit xhur huwa nduna li ibnu kien qed jilgħab logħba tat-tiġrijiet tal-karozzi. Jistqarr li kemm-il darba pprova jilgħabha imma qatt ma rnexxielu jegħleb ir-rekord personali ta’ Cody.

Missier Cody huwa fotografu tal-karozzi, allura kull fejn seta’ kien jieħdu miegħu, kemm f’avvenimenti tal-isport tal-muturi u anki wirjiet tal-karozzi. Għalhekk dan Cody kiber imdawwar bil-karozzi.

Kien wasal il-Milied u l-ġenituri ta’ Cody xtaqu jagħtuh xi ħaġa differenti mis-soltu bħala rigal. Meta staqsewh x’jixtieq bejn quad bike u go kart, bla eżitazzjoni ta’ xejn huwa wieġeb li ried go kart sabiex ikun jista’ jtellaq.

Dwar ix-xewqa ta’ Cody tkellmu ma’ Dr Calvagna, u qalilhom li sakemm Cody jkun liebes tagħmir tas-sigurtà u li kien sport bla ebda kuntatt fiżiku, seta’ jagħmel dan.

Ladarba kkonsultaw ma’ Dr Calvagna, bdew jeħduh fil-korsa biex jaraw xi sessjonijiet ta’ prattika u minn hemm f’Cody nibtet din il-passjoni.

Ta’ 5 snin, xtrawlu l-ewwel ‘baby kart’ b’magna ta’ 35cc 4 stroke, li wara ġimgħatejn bidluha għal magna ta’ 50cc 2 stroke, hekk kif Cody rieda ftit aktar b’saħħita.

Meta t-tifel għalaq 6 snin u raw l-progress tiegħu u dak li verament ried, ommu u missieru ħadu d-deċiżjoni li jagħmlu pass ieħor, dak li minn ‘baby kart’, jibda jsuq ‘mini kart’.

Kienu jqattgħu kull weekend fil-korsa, biex Cody jipprattika dan l-isport, li mhux biss għamel differenza kbira fil-progress ta’ saħħtu imma wassal lilu u lill-ġenituri tiegħu biex jiltaqgħu ma’ persuni li llum il-ġurnata saru parti minn ħajjithom tant li jikkunsidrawhom bħal familja.

Il-progress f’saħħtu kien tant li Dr Calvagna beda jara lil Cody kull xahar minflok kull ġimgħa peress li l-kundizzjoni tiegħu kienet dejjem sejra għall-aħjar. Minbarra hekk, il-ġenituri qalulna wkoll li bdew jaraw progress kbir anki fl-edukazzjoni tiegħu, kienu qed jarawh aktar iffukat u determinat.

Illum, sentejn wara, Cody għadu kif spiċċa l-ewwel Kampjonat Nazzjonali tiegħu fejn kiseb it-tieni post fil-kategorija tiegħu!

Ix-xewqa kbira tagħhom hija li jaraw lil Cody itellaq barra minn Malta.

Permezz tal-istorja tagħna nixtiequ nwasslu messaġġ ta’ tama lil min għaddej minn sitwazzjoni simili u li qed jiffaċċja sfidi li għaddejna minnhom aħna.

Il-ġenituri ta’ Cody

Ċertament, il-messaġġ li jispikka minn din l-istorja huwa li bit-tama, determinazzjoni, sapport u mħabba, l-esperjenzi diffiċli li tgħaddi minnhom fil-ħajja tista’ ddawwarhom f’xi ħaġa tant sabiħa li tkompli tgħinek tgħix u tiffaċċja l-isfidi li għad trid tiffaċċja fil-futur.

F’isem it-tim ta’ Skoperta, nirringrazzjaw lill-ġenituri ta’ Cody talli qasmu l-istorja tagħhom magħna, u nawguraw lil Cody ħafna aktar saħħa u aktar suċċess fil-karting.

Jekk int tixtieq taqsam l-istorja tiegħek magħna, agħmel kuntatt magħna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks