Thread hija wirja tal-arti mill-artisti Ebru Çinar, Stefan Spiteri u Bernice Vassallo, b’xogħlijiet b’użu partikolari u esperimentali tal-ħajt. Mal-użu tal-ħajt, f’xogħolhom jidher ċar kif jassimilaw miegħu l-involviment tan-natura u forom organiċi, li dan kollu jwassal għar-riżultati li ppreżentaw.

Thread hawn għandha żewġ tifsiriet. Il-ħajt huwa l-materja prinċiparjament użata f’dawn ix-xogħlijiet. Li tgħin biex twassal il-ħadma organika maħluqa f’sens figurattiv tal-weraq u drabi oħra tirrappreżenta serje ta’ passaġġi maħluqa fil-konxju jew fis-subkonxju li jwasslu għal laberinti ifframmentati. Kollha joħolqu armonija tanġibbli u mhux tanġibbli, spazji reali imma surreali.

Ebru Çinar permezz ta’ xogħolha turina kompożizzjonijiet figurattivi u kumplessi. Grazzi għall-użu tal-ħajt tirrappreżenta perspettiva fuq firxa ċatta u f’qisien li jaf ikunu skomdi imma li jaffaxxinaw lil min qiegħed japprezzahom. Dan kollu jagħmel lin-narrattiva ħafna iktar intriganti u tal-ħolm.

Min-naħa l-oħra, ix-xogħol ta’ Bernice Vassallo huwa astratt u juru l-għarfien li għandha fix-xogħol ta’ ħjata u kif wieħed jista’ jesperimenta f’dan il-qasam. Il-kompożizzjonijiet kważi tal-vini tal-moħħ jew passaġġi li jitgħaqdu u jsaħħru daqs labirint fl-għanqbut, delikat imma jista’ jkun b’saħħtu.

Stefan Spiteri qiegħed jesebixxi sensiela ta’ xogħlijiet bit-titlu ta’ Lost Trail. Għalkemm f’xogħlu ma narawx l-użu tal-ħajt, xorta waħda naraw kif permezz ta’ xogħlu joħloq relazzjoni bejn xogħlu u xogħol iż-żewġ artisti l-oħra li qegħdin jagħmlu parti minn din l-esebizzjoni.

Naraw l-enfasi fuq l-organiku, bl-użu ta’ weraq u l-faxxinu għal-lineari, imwassal permezz taż-żebgħa taż-żejt, dan kollou joħloq djalogu bejn ix-xogħlijiet kollha. Spiteri jipperċepixxi x-xogħlijiet tiegħu bħala biċċiet minn netwerk kumpless ta’ passaġġi bla rotta preċiża.

Din il-wirja, li għandha miftuħa sas-17 ta’ Ottubru, qed tittella’ ġewwa Il-Kamra ta’ Fuq u qed tiġi kkurata minn Art Sweven.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks