L-Arċisqof Charles Scicluna fil-Quddiesa li saret b’suffraġju għal Daphne Caruana Galizia qal li l-qtil tal-bnedmin ma għandu qatt ikun negozju tas-soltu.
Aħna qegħdin hawn, aħna min aħna, ta’ liema kulur aħna biex inkun ċar, biex l-assassinju tal-bnedmin qatt u qatt m’għandu jkun business as usual.”
Spjega kif ħass xokk kbir malli kien qed jaqra l-intervista ta’ wieħed mill-irġiel li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qal li għalih dan kollu kien business as usual.
Huwa żied jgħid li f’xi waqtiet il-bniedem jgħid għalfejn Alla jippermetti dan, u fejn jinsab Alla meta jkollok bżonnu anke sabiex issir ġustizzja. Spjega li l-bniedem irid jagħmel il-parti tiegħu wkoll.
Ma nistgħux nibqgħu fis-silenzju, fil-kompliċità jew il-biża’ għax inkunu qed intellfu proprju lil Alla milli jagħmel ġustizzja.
Qal li meta nfittxu l-ġustizzja ma nistgħux naqtgħu qalbna imma rridu nibqgħu perseveranti u kuraġġużi.
Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm il-familja Caruana Galizia u Maria Falcone, oħt il-Maġistrat Giovanni Falcone li f’Mejju tal-1992 kien inqatel f’karozza bomba mill-Mafia ta’ Cosa Nostra.

Gradwata b’B.A fil-Malti u b’ċertifikat fil-qari tal-provi.
Ilha ‘l fuq minn 5 snin taħdem bħala producer u kittieba ma’ WE Media LTD. Kienet ukoll maniġer u producer tal-iktar programm segwit f’Malta Xarabank.
Qabel kienet ġurnalista u xandara ma’ Newsbook.com.mt u Bay Radio.
Il-passatempi tagħha huma l-qari u n-Netflix.