Kont taf li llum, is-16 t’Ottubru, huwa l-Jum Dinji tal-Ikel?
L-ikel huwa wieħed mill-aktar sors importanti għalina l-bnedmin, dan għaliex iżommna ħajjin u jgħaqqad lin-nies flimkien, minn laqgħat tal-familja sa ħarġiet mal-ħbieb.
Kulħadd għandu l-ikel favorit tiegħu, b’varjetajiet li jvarjaw minn pizza għal għaġin, mill-ħut għal laħam, mill-galletini għal kejkijiet, u l-bqija tal-ikel bnin ta’ bejniethom! Ladarba tibda’ tgerger żaqqna bil-ġuħ, arana sejrin fil-kċina biex naraw x’se nsajru jew naqbdu l-mowbajl u nordnaw l-ikel ħalli neħilsu ta’ malajr.
Però, mhux kulħadd huwa privileġġjat, u mdawwar b’ħafna ikel. Fil-fatt, il-Jum Dinji tal-Ikel iqajjem kuxjenza għan-nies li m’għandhomx tali fortuna.
Diversi nies madwar id-dinja qegħdin ibatu l-ġuħ. Nies li jagħmlu ġranet sħaħ ma jieklu xejn, jew jekk jieklu, jieklu dejjem l-istess ikel. Il-ġuħ hija problema kbira f’numru ta’ pajjiżi, u aħna lkoll irridu nagħmlu aktar biex inqajmu kuxjenza u niġġieldu din il-problema.
It-tim ta’ Skoperta jaħtaf din l-okkażjoni u jħeġġek biex tuża metodi u alternattivi biex tevita l-ħela tal-ikel.
Ftakar ukoll f’dawk li huma fil-bżonn billi tagħtihom ftit ikel, għaliex l-ikel huwa s-sors tal-ħajja.
