It-tifla ċkejkna fetħet iċ-ċoff u ħarset b’ħalqha miftuħ lejn ir-rigal li kienet għadha kemm qalgħet għal jum għeluq sninha.
Pupa sabiħa.
Pupa eżatt bħalha.
Xagħar, għajnejn, idejn, xufftejn, il-kulur tal-ġilda………….saħansitra anke l-libsa li kellha fuqha kellha waħda bħalha preċiż!
“Kemm hi sabiħa!” stgħaġbu l-mistednin li kienu fil-kamra tal-ikel.
Żiffa ħelwa li mliet il-kamra propjament dak il-ħin, ħarġet barra mit-tieqa u baqgħet sejra ‘l fuq, tintilef mal-arja pura u nadifa ta’ dak ir-raħal ċkejken u moħbi qalb il-kampanja, b’għolja kbira fuq naħa minnhom li kienet tiddomina dawn l-inħawi, b’binja prominenti fuq nett, imżejna bil-paletti li kienu jduru mar-riħ; il-mitħna sabiħa fejn kienet toqgħod dik li kienet tagħmel il-pupi.
Kulħadd kien iħobbha.
Kollha kemm huma.
Hekk malli ż-żiffa tar-riħ telgħet s’hemm fuq nett, semgħet l-ilħna ferrieħa tal-festin jifirħu bil-pupa li tant kienet ħadet ħsieb tagħmel b’reqqa. Tant dettal. Tant imħabba u għożża.
Kienet tieħu gost tarahom ferħanin.
U billi kienet tagħmlilhom l-isbaħ pupi li qatt raw, eżatt bħalhom stess, kienet taf li r-raħħala li kienu joqogħdu hemm isfel, kienu jkunu qegħdin jistennew dik il-ġurnata li fiha kien ikun ser ikollhom okkażjoni, ħalli jitilgħu l-passaġġ mimli ġebel u mserrep li kien jagħti sa’ fuq nett tal-għolja u jordnaw pupa.
Ħadd ma kien jaf x’jisimha.
Ħadd ma kien jaf ommha u missierha min kienu, kinitx trabbiet waħedha, kellhiex ħutha, kellhiex ħbieb jew qraba. Iżda meta kienet tinżel fir-raħal biex tagħmel xi qadja, dejjem waħedha rawha.
U għalkemm kienet tfajla sabiħa, xuxitha kulur id-deheb, b’par għajnejn kbar, kbar kannella, ħadd qatt ma kien irnexxielu jagħmel diskursata magħha. Kienet ta’ ftit kliem. U kull darba li kienu jifirħulha tal-pupi sbieħ li kienet tagħmlilhom, kienet titbissem ftit, tbaxxi rasha u titlaq tiġri ‘l barra.
Barra minn hekk, anke meta kienu jiġu biex imorru s’għandha, għalkemm kienu jkunu jridu jqabduha għax-xogħol, fl-istess ħin kienu jistkerrhu l-kruha tat-triq wieqfa u mserrpa, li n-naħa ta’ barra tagħha kienet taqta’ għal isfel, u kienu aktar u aktar jistkerrhu lilha. Mhux darba jew tnejn telgħu jordnaw pupa u sabbtitilhom il-bieb f’wiċċhom!

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks