Aktar kmieni llum, ġiet organizzata dimostrazzjoni mill-għaqda Repubblika, Occupy Justice u manueldelia.com biex tfakkar il-ħames anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li nqatlet b’karozza bomba.
Id-dimostrazzjoni bdiet minn quddiem il-bini tal-Parlament u spiċċat fi Pjazza l-Assedju l-Kbir fejn hemmhekk saret velja b’tifkira għal Daphne Caruana Galizia.
Dan wara li dalgħodu, l-għaqda Repubblika fakkret dan il-jum iswed għall-pajjiżna, proprju fil-post fejn inqatlet Daphne Caruana Galizia, fil-bidnija.
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, l-ewroparlamentari David Casa u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil kienu fost dawk li attendew.
Attendiet ukoll Maria Falcone, oħt il-Maġistrat Giovanni Falcone, li kien inqatel mill-mafja fl-1992.
Minkejja l-aħħar aħbarijiet, is-sejħa biex issir ġustizzja għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadha tidwi bl-aktar mod b’saħħtu.
