Din il-wirja ġewwa Boco ddur mat-tema ta’ guilty pleasures, pjaċiri li jqanqlu sens ta’ ħtija. Dawn il-pjaċiri huma attivitajiet personali u intimi jew drawwiet li wieħed m’għandux jagħmel jew jastjeni milli jagħmel, iġibu ferħ iżda fl-istess ħin sens ta’ ħtija u mistħija. Jaf ikunu kemxejn ta’ ħsara, u mhux aċċettabbli mis-soċjetà.

Inħossuna nitilfu l-kontroll tagħna nfusna f’dawn is-sitwazzjonijiet u kulħadd għandu minn dawn il-pjaċiri, jistgħu jkunu wieħed jew aktar. Għalkemm kultant, wieħed isibha diffiċli li jammettihom.
Il-lista ta’ dawn il-pjaċiri, guilty pleasures, hija infinita, imma jekk wieħed kellu jsemmi ftit minn dawk li huma l-aktar komuni u preferuti, faċli nibdew: mill-iffingar fiċ-ċikkulata, konsum t’alkoħol (speċjalment f’ħinijiet mhux tas-soltu), fantasiji sesswali, meta teħel ma’ programm televiżivi intriganti (binge-watching), xamm tal-kotba, xiri eċċessiv minn fuq l-internet… u ħafna aktar.

L-isem ta’ din il-wirja tal-arti, It’s 5 o’clock Somewhere, ġej mill-frażi famuża li wieħed juża bħala skuża meta jkun jixtieq xarba alkoħolika f’ħin li mhux komuni li jinxtorob l-alkoħol; bħal ngħidu aħna, fl-10 ta’ filgħodu. Din toħloq sens ta’ ħtija fil-kuxjenza, u għaldaqstant wieħed iserraħ kemm kemm il-kuxjenza billi jikkonsla li għalkemm għalih ikun filgħodu, xi mkien fid-dinja saru l-5 ta’ flgħaxija. Il-5 ta’ flgħaxija huwa l-ħin użat għax huwa ħin komuni għal ħafna li fih tispiċċa il-ġurnata tax-xogħol u l-ħin li fih bosta bars joffru l-Happy Hour.

L-artisti li qegħdin jieħdu sehem f’din il-wirja ġew mistiedna juru mumenti ta’ dawn il-pjaċiri li
jqanqlu sens ta’ ħtija. Setgħu jkunu f’mumenti solitarji, mumenti li ltaqgħu magħhom jew kwalunkwe fantasiji mill-immaġiazzjoni tal-artist.
Dwn il-mumenti ta’ sodisfazzjon jagħmlu l-ħajja iktar ta’ pjaċir, speċjalment waqt mumenti ta’ stress u għaldaqstant din il-wirja trid toħloq sens ta’ ċelebrazzjoni permezz ta’ dawn il-pjaċiri

Din il-wirja għandha miftuħa sas-26 t’Ottubru u qed tittella’ ġewwa BOCO Boutique Hotel, Bormla.
L-artisti li qegħdin jieħdu sehem f’din il-wirja, ikkurata minn Melanie Erixon, huma Aaron Bezzina, Daniel Borg, Roderick Camilleri, Debbie Caruana Dingli, Rupert Cefai, Antoine Farrugia, Karl Froman, Lawrence Pavia, Amelia Saint George, Mario Sammut, Darren Tanti.


Kontributriċi