Filwaqt li l-fqir qed jara kif se jgħix imqar għal jum ieħor, is-sinjur qed jirreġistra żieda bla preċedent.

Ma’ kull ġurnata li tgħaddi, il-faqar madwar id-dinja, inkluż f’Malta, qed jiżdied b’rata tant mgħaġla. Il-faqar huwa li ma jkollokx biżżejjed flus biex jintlaħqu l-bżonnijiet bażiċi ta’ kuljum, inkluż l-ikel, il-ħwejjeġ u l-kenn.

Illum, is-17 t’Ottubru, jaħbat il-Jum Internazzjonali għall-Qerda tal-Faqar. Il-faqar jaffettwa lin-nies ta’ madwar id-dinja, inkluż fejn tgħix inti! Il-faqar għandu ħafna uċuħ, fosthom ta’ tfal li qed imutu bil-ġuħ fl-Afrika jew fl-Indja, jew ta’ dik l-omm imbikma f’supermarket għax ma għandhiex biex tixtri l-ħobż u l-ħalib, waqt li wliedha jħarsu lejha bil-ħniena. L-eżempji ta’ faqar ivarjaw minn estrem għal kważi imperċettibbli u minħabba f’hekk in-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat li l-ġlieda kontra l-faqar hija waħda mill-hħanijiet ta’ żvilupp tal-millennju.

Huwa fatt li l-faqar huwa ġlieda soċjali u dan jista’ jolqot kemm individwi, kif ukoll komunitajiet u bliet sħaħ. Sfortunatament, ir-realtà attwali turi li 1.3 biljun ruħ għadhom jgħixu fil-faqar multidimensjonali bi kważi nofshom ikunu tfal u żgħażagħ.

L-inugwaljanzi ta’ opportunitajiet u dħul qed jiżdiedu drastikament u, kull sena, id-differenza bejn is-sinjuri u l-foqra qed tikber b’mod eċċessiv. Skont in-Nazzjonijiet Uniti, fl-aħħar sena, hekk kif miljuni qed jissieltu għad-drittijiet tal-ħaddiem u l-kwalità tal-impjiegi biex jaslu imqar għal jum ieħor, il-poter korporattiv u l-ġid tal-klassi sinjura rreġistraw żieda bla preċedent.

Il-faqar u l-inugwaljanza li qed jaħkmu kemm lid-dinja, kif ukoll fuq din il-gżira tant ċkejkna, huma r-riżultat ta’ deċiżjonijiet intenzjonati jew nuqqas ta’ azzjoni li jneħħu s-setgħa lill-ifqar u emarġinati fis-soċjetajiet tagħna u jiksru d-drittijiet fundamentali tagħhom.

Il-vjolenza siekta u sostnuta tal-faqar, esklużjoni soċjali, diskriminazzjoni strutturali u nuqqas ta’ setgħa, tagħmilha aktar diffiċli għan-nies maqbuda f’faqar estrem biex jaħarbu u jkollhom il-possibilità ta’ ħajja aħjar.

Il-Jum Internazzjonali għall-Qerda tal-Faqar huwa osservat biex jippromwovi u jirrikonoxxi l-isforz u l-ġlieda ta’ dawk li jgħixu fil-faqar. Dan il-jum jagħti wkoll lill-persuni li jgħixu fil-faqar opportunità speċifika li jsemmgħu t-tħassib u l-ħsibijiet tagħhom.

Hemm bżonn li nqajmu aktar għarfien dwar din il-kriżi li qed taħkem lid-dinja u nagħmlu ħilitna biex nelliminawha għaliex, kif kien jgħid tant tajjeb Nelson Mandela, “bħall-iskjavitù u l-apartheid, il-faqar mhuwiex naturali. Huwa magħmul mill-bniedem u jista’ jingħeleb u jinqered bl-azzjoni tal-bnedmin.”

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks