Ftit tal-ħin ilu, il-paġna ta’ F Living show tellgħat filmat biex issellem lil On. Robert Arrigo, wara li kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt tiegħu. Robert Arrigo, kien wieħed mill-mistiedna regolari fuq il-programm ta’ Karl Bonaci.

L-aħħar dehra tal-On. Arrigo fuq it-televiżjoni, kienet proprju l-Ġimgħa, it-30 ta’ Settembru, fuq F Living Show, li jixxandar kuljum wara nofsinhar, fuq F Living Channel. Meta ġie biex jagħlaq l-intervista, emozzjonat, huwa kien irringrazzja lill-familja tiegħu, it-tobba, lil dawk li daru bih fis-swali tal-isptar, u ta l-kuraġġ lil min kien għaddej minn xi probema, billi enfasizza “ejjew noħorġu minnha flimkien.”

Apparti dan, huwa kien wassal ukoll messaġġ profond u b’saħħtu biex ngħixu l-ħajja u nagħmlu il-ġid : “il-ħajja hija sabiħa ħafna, il-ħajja trid tgħixha u waqt li qed tgħixha agħmel il-ġid.” Huwa kien żied jgħid li anke permezz ta’ kelma mal-ġirien jew fuq Facebook, nistgħu nagħmlu l-ġid.

Huwa kien sostna ukoll biex ma ngħajrux lill-proxxmu tagħna. Huwa kien esprima d-diżappunt tiegħu minħabba li f’post fuq facebook huwa ġie mgħajjar minħabba li huwa kellu l-kanċer u għajruh li huwa “Putin”.

Filwaqt li enfasizza li l-facebook jista’ jweġġa’, huwa ħeġġeġ lin-nies biex ikunu aħjar: “Ma nistgħux inkunu aħjar aħna? Ħafna nistgħu inkunu aħjar.”

Dakinhar wara l-programm, l-On. Robert Arrigo kien tella’ ritratt fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu li juri lilu ma’ Karl Bonaci.

Filwaqt li stqarr li kienet estremament diffiċli għalih biex jagħmel l-isforz u jkun preżenti, huwa kiteb “diffiċli biex tiddeskrivi raġel bħal dan.” b’referenza għal Karl Bonaci.

Huwa wassal ukoll messaġġ lil dawk li “qed iġorru s-salib tagħhom.”

Emmnu, itolbu u agħmlu l-parti tagħkom. Ilkoll nistgħu nagħmluha. Aħna akbar mill-marda. Għal darb’oħra, grazzi!

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks