Franco Gatti, membru tal-grupp mużikali Taljan, Ricchi e Poveri, miet fl-età ta’ 80 sena, irrappurtat il-midja Taljana.
Skont il-ġurnal tal-aħbarijiet Taljan Il Messaggero, sorsi qrib il-familja qalu li l-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu kienet marret għall-agħar matul dawn l-aħħar ġimgħat.
Il-grupp Ricchi e Poveri irrapreżenta lill-Italja fil-Eurovision Song Contest fl-1978 f’Pariġi bil-kanzunetta Questo Amore, u kklassifika fit-12-il post bi 53 punt.
Ħafna Taljani qed jirreaġixxu għall-aħbar tal-mewt tiegħu, inkluż il-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni, li permezz ta’ kitba fuq Twitter, hija ddeskriviet lil Fatti bħala parti mill-istorja tal-mużika Taljana u raġel li ffaċċja l-isfidi koroh tal-ħajja b’dinjità kbira.
Se ne va un pezzo di storia della musica italiana, un uomo che ha affrontato con grande dignità le dolorose sfide della vita. Ciao, Franco. #ricchiepoveri pic.twitter.com/Aeu9FvK198
— Giorgia Meloni 🇮🇹 ن (@GiorgiaMeloni) October 18, 2022
Franco qatt ma rkupra mill-mewt ta’ ibnu fl-2013, li kien instab mejjet eżatt qabel il-grupp Ricchi e Poveri kellu jitla’ fuq il-palk f’Sanremo, wara li kien ikkunsma ammont letali ta’ alkoħol u droga.
Fil-fatt kien proprju ftit wara li telaq anki mill-grupp.
L-aħħar prestazzjoni tiegħu fuq il-palk kienet fi Frar 2020. Ricchi e Poveri reġgħu ngħaqdu għas-70 edizzjoni tal-Festival ta’ Sanremo, u kantaw medley mill-aktar kanzunetti popolari tagħhom, inkluż Sarà perché ti amo.
Il-grupp ġie ffurmat fl-1968, u kkompeta f’Sanremo ħafna drabi. Notevolment, spiċċaw it-tieni fl-1970 u fl-1971, u rebħu l-Festival fl-1985 b’Se m’innamoro.
Il-funeral ta’ Franco Gatti se jsir nhar il-Ħamis f’Genova.
