Id-Dumnikan, Patri Marius Zerafa miet fl-età ta’ 93 sena.

Dan tħabbar dalgħodu mill-komunità Dumnikan f’Malta.

Huwa magħruf partikolarment għal li rnexxielu jġib lura l-pittura ta’ San Ġirolmu ta’ Caravaggio wara li kienet insterqet mill-Kon Katidral ta’ San Ġwann nhar id-28 ta’ Diċembru tal-1984. Il-kuntatt tiegħu mal-ħallelin, fuq perjodu ta’ tmien xhur irriżulta fl-irkupru b’suċċess ta’ dan il-kapolavur.

Fr. Marius J. Zerafa, twieled il-Birgu, fit-13 ta’ Ottubru tal-1929 u huwa n-neputi tal-eks Prim Ministru ta’ Malta, Sir Paul Boffa.

Huwa beda l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja tal-Gvern sal-Klassi III, meta, ta’ 9 snin, daħal fil-Malta Lyceum. Bl-inkoraġġiment ta’ Dun Gorg Preca, ingħaqad mal-Ordni Dumnikana fl-1945.

Għamel tliet snin fid-Dar tal-Istudji Dumnikani fir-Rabat u mbagħad intbagħat f’Hawkesyard, Staffordshire, u aktar tard f’Blackfriars u Oxford bejn l-1948 u l-1952.

Bejn l-1952 u l-1954, huwa mar Ruma fejn kiseb S.Th.B. u Dip.Sc.Soc. Irritorna Ruma għal sentejn oħra u kiseb il-Lettorat u l-Liċenzjat fit-Teoloġija Sagra u Dottorat fix-Xjenzi Soċjali. Huwa attenda wkoll l-Università tal-Istat f’Ruma u kiseb Diploma fl-Istorja tal-Arti. Aktar tard kiseb ukoll diploma oħra fl-Istorja tal-Arti mill-Università ta’ Londra.

Fr. Zerafa ingħata scholarships tal-arti mill-Gvern Taljan fl-okkażjoni tal-Indipendenza ta’ Malta u għal darb’oħra fl-1968. Huwa żar mużewijiet fl-Istati Uniti fuq Programm ta’ Viżitaturi Internazzjonali; ħadem fil-Louvre, Pariġi, fuq Fellowship tal-Kunsill tal-Ewropa.

Huwa kien mistieden ukoll fl-Unjoni Sovjetika bħala Ko-Fundatur tas-Soċjetà ta’ Ħbiberija Malti-Sovjetika.

Fr. Zerafa kien Segretarju u Surmast tal-Istorja u l-Letteratura fil-Kulleġġ San Albert, Valletta, bejn l-1954 u l-1962; Professur tal-Filosofija Soċjali u l-Arti Sagra fid-Dar tal-Istudji Dumnikanii.

Fost oħrajn kien ukoll eżaminatur fis-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta, lettur fl-Istorja u l-Apprezzament tal-Arti fl-Iskola tal-Arti ta’ Malta, lettur fl-Arti Sagra fis-Seminarju Maġġuri, lettur fl-Apprezzament tal-Arti fil-Kulleġġ St Edward’s u kien ukoll jgħallem il-Letteratura Ingliża u l-Istorja tal-Arti fil-monasteru ta’ Santa Tereża, Bormla.

Kien jagħti lekċers ukoll regolarment, l-aktar dwar l-Arti, fil-British Council Centre, l-Istituto di Cultura Taljan, l-Alliance Francaise u ċentri kulturali oħra. Għal ħafna snin kien sottoeditur ta’ “Scientia” u Arkivista tal-Provinċja Dumnikana Maltija.

Waqt li kien qed jistudja Firenze, ġie mħeġġeġ mill-Prof G LaPira, eks sindku tal-Belt, biex iwaqqaf Ċentru tal-Arti f’S Marco, iżda kellu jirritorna Malta għal raġunijiet ta’ familja.

Fr. Zerafa ingħaqad mad-Dipartiment tal-Mużewijiet fl-1970 bħala Assistent Kuratur tal-Belle Arti u kien responsabbli mit-twaqqif tal-Mużew Nazzjonali tal-Belle Arti, il-Belt Valletta u l-Mużew tal-Arti Kontemporanja f’San Ġiljan. Sar Kuratur tal-Belle Arti fl-1975 u Direttur tal-Mużewijiet fl-1981.

Kien ukoll responsabbli mill-ftuħ ta’ numru ta’ mużewijiet f’Malta u Għawdex.

Ħa sehem f’konferenzi Internazzjonali f’Quebec, Tunis u bliet oħra u għen fl-organizzazzjoni ta’ bosta wirjiet tal-arti f’Londra, Pariġi, Moska u Palermo.

Kien Chairman ta’ kumitati tal-Gvern u ta’ kumitati oħra ta’ diversi organizzazzjonijiet. Sakemm irriżenja, huwa kien Chairman tal-Kummissjoni Arċidjoċesana għall-Arti Sagra. Kien ukoll membru tal-Kummissjoni Dumnikana għall-Predikazzjoni permezz tal-arti.

Fr. Zerafa irtira mid-Dipartiment tal-Mużewijiet fl-età ta’ 61, iżda baqa’ lettur fl-Arti Sagra fl-Università Angelicum, Ruma u jagħti lekċers f’ċentri Kulturali f’Malta, u spiss imexxi gruppi ta’ studenti fuq tours kulturali barra minn Malta.

Irrestawra xogħlijiet ta’ Mattia Preti, Favray, u kapolavuri oħra. Il-pitturi u l-iskulturi tiegħu nsibuhom fi knejjes u kollezzjonijiet f’Malta u barra minn xtutna.

Insellmulek Patri Marius Zerafa.

Kondoljanzi lill-familja, ħbieb u dawk kollha qrib.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks