Iżda oħroġ il-għaġeb, qatt ma naqsithom.
Kull darba li kienu jkunu jordnaw pupa mingħandha, dakinhar miftiehem, kienu jsibu kaxxa kbira kkulurita u mgeżwra quddiem il-bieb ta’ darhom! U ġo fiha kien ikun hemm pupa isbaħ minn dik ta’ qabilha!
Din l-istorja kien ilha għaddejja ġmielha.
It-tfajla li kienet tagħmel il-pupi kienet ilha tagħmlilhom pupi sbieħ għal dawn l-aħħar sitt snin u kulħadd kien jirrispettaha. U kulħadd kien ikun ħerqan ħalli jmur jordna mingħandha. Magħhom kienu jtellgħu l-flus, ritratt sabiħ u jmorru jistennew l-isbaħ pupa!
Sa dakinhar.
Sa dakinhar li ġrat dik id-diżgrazzja.
Petra kienet tifla ta’ ħames snin. Ovvjament meta kien ser ikollha jum għeluq sninha, missierha kien ħaseb biex jitla’ għand it-tfajla li kienet tagħmel il-pupi sabiex jordnalha waħda.
Wara li t-tfajla li kellha xagħarha twil iżżejjed, kemmxejn imħabbel u kienet liebsa ħwejjeġ qodma ta’ ġewwa, għamlitlu iva b’rasu u għalqet il-bieb f’wiċċu, il-missier niżel iħaffef in-niżla, qalbu mimlija ferħ, b’seba’ mitt sena fuqu ħalli jara pupa eżatt bħal bintu lesta għal dakinhar tal-festin.
Iżda x-xorti riedet mod ieħor.
Sebaħ dak il-jum misħut.
Il-missier mar iħaffef lejn il-bieb ta’ barra. Fetaħ il-bieb. Sab il-kaxxa, daħħalha ġewwa. Bintu fetħet il-kaxxa waqt il-festin u t-tifla ferħet mhux ftit bil-pupa!
Iżda dak il-lejl, hekk kif iċ-ċkejkna kienet rieqda flimkien mal-pupa li kienet eżattament il-fotokopja tagħha, ħasset xi weġgħa kbira f’sidirha u ħalliet din id-dinja ħesrem.
Il-missier beka mhux ftit.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks