L-attur u komiku Amerikan Leslie Jordan miet fl-età ta’ 67 sena.

Jordan, magħruf l-aktar għar-rwol tiegħu f’Will and Grace u American Horror, miet f’inċident tat-traffiku f’Los Angeles, irrappurtat il-midja Amerikana.

Il-pulizija qalu li l-karozza ta’ Jordan ħabtet ma’ ġenb ta’ bini u kien iddikjarat mejjet fuq il-post. Madankollu, mhuwiex ċar jekk Jordan mietx fil-ħabta jew jekk kienx sofra minn emerġenza medika qabel il-ħabta.

L-aġent tiegħu, Don LeClair, qal lil Reuters li Jordan kien fi triqtu lejn is-sett ta’ Warner Bros tas-serje televiżiva Call Me Kat, fil-ħin tal-inċident.

Imwieled fi Chattanooga, Tennessee, fl-1955, huwa kien ħareġ bħala omosesswali ma’ ommu ta’ 12-il sena. F’kummenti li kien ta lil People is-sena l-oħra, huwa kien qal li kien qal lil ommu kif kien qed iħossu, iżda lanqas kien jaf xi tfisser il-kelma ‘omosesswali’.

Ir-reazzjoni ta’ ommu ma kinitx kif kien ħaseb li se tkun, iżda esprimiet il-biża’ tagħha li jiġi rredikolat u għalhekk qaltlu biex jgħix ħajtu fil-moħbi. Madankollu stqarr li ma segwiex il-parir tagħha fuq hekk.

Il-fama tiegħu kibret waqt li kien qed jieħu sehem fis-sitkom Amerikana Will and Grace bħala Beverley Leslie, rwol li għalih rebaħ il-Primetime Emmy fl-2006.

Huwa ħa sehem f’diversi produzzjonijiet televiżivi oħrajn fosthom Murphy Brown, Lois & Clark: The New Adventures of Superman, Star Trek: Voyager, Boston Public u American Horror Story.

Matul il-pandemija tal-Covid-19, Jordan sar popolari wkoll ma’ udjenzi iżgħar bħala stilla tal-midja soċjali. Dan għaliex kien itella’ kitbiet kuljum waqt li kien qieghed kwarantina fl-appartament tiegħu fil-belt ta’ Chattanooga.

Itella’ kitbiet darbtejn kuljum, Jordan kellu aktar minn 5.8 miljun segwaċi fuq Instagram li jirriflettu fuq ħajtu, u dwar il-mużika pop fost oħrajn.

Spiss tkellem fil-miftuħ dwar il-battalji tiegħu mal-abbuż ta’ sustanzi. Huwa beda jixrob minn mindu kellu 14-il sena biss.

Huwa rnexxielu jegħleb il-battalji tiegħu fis-snin 90, u aktar tard tkellem mas-CNN dwarhom u sostna li l-120 jum fil-ħabs f’Los Angeles kienu li ħeġġewh jegħleb il-vizzji.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks