Maria Giraud, l-għarusa ta’ Jesús David Reina Quero, il-ġuvni li tilef ħajtu wara li ttajjar minn karozza fil-Marsa, qalet lit-Times of Malta li ndunat li l-vittma kien l-għarus tagħha għax għarfet iż-żarbun li deher f’rapport tal-aħbarijiet.

Hija qalet li meta ma semgħetx mingħandu, qalbha ħebritha li kien ġara xi ħaġa.

Iż-żagħżugħa ta’ 21 sena, identifikat il-vittma wara li kellha tistenna 18-il siegħa.

Hekk kif ġie rappurtat li l-pulizija qalu li r-raġel miet wara li ttajjar waqt li kien qed jaqsam, Maria qalet li peress li ma bediex jirrispondi l-mowbajl u għarfet iż-żarbun, marret Mater Dei fejn hemmhekk ikkonfermat li kien hu.

Jesús David Reina Quero, kok ta’ 23 sena mill-Veneżwela, ittajjar minn karozza misjuqa minn raġel ta’ 66 sena. Bħalissa għaddejja investigazzjoni mill-pulizija kif ukoll infetħet inkjesta maġisterjali dwar l-inċident.

Maria qalet lit-Times of Malta li xi darba kienet tħossha sikura f’Malta. “M’iniex nitkellem dwar l-inċident. Qed nitkellmu dwar il-politika. Għaliex għandi ndum nistenna ħafna biex nidentifika l-ġisem tal-għarus tiegħi?”

Il-koppja kienu ilhom flimkien 4 snin, u kienu ltaqgħu f’pajjiżhom fil-Veneżwela. Huwa kien ġie jgħix Malta madwar 3 snin ilu u Maria ngħaqdet miegħu madwar 10 xhur ilu.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks