Jidher li l-problemi li kkawżaw il-qtugħ fis-servizz ta’ waħda mill-aktar pjattaformi ta’ komunikazzjoni popolari ta’ Meta, ittranġaw hekk kif qed jerġa’ jaħdem b’mod normali.
Eluf ta’ utenti madwar id-dinja, inkluż f’Malta, ma jistgħux jibagħtu u jirċievu messaġġi fuq l-app.
Ħafna nies ilmentaw fuq il-midja soċjali dwar il-problemi li qed jiffaċċjaw fuq il-pjattaforma popolari tal-kumpanija Meta.
Jidher li filwaqt li wieħed għadu jista’ jaċċessa l-konverżazzjonijiet tagħhom, ma jistax jirċievi messaġġi ġodda jew jibgħat.
Fuq in-naħa ta’ fuq tal-app, qed jidher messaġġ “connecting to server”, iżda xorta tibqa’ ma tagħmilx konnessjoni.
Daħlu aktar minn 12,000 rapport fi żmien nofs siegħa skont is-sit elettroniku Down Detector.
Il-WhatsApp għandu madwar żewġ biljun utent attiv globali.
Fi stqarrija, kelliem għal WhatsApp qal li jinsabu konxji dwar din il-problema u qed jaħdmu biex jirranġawha kemm jista’ jkun malajr.
