Aldo Lombardi, ir-raġel ta’ Marie Claire Lombardi, li ftit jiem ilu tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku fl-età ta’ 45 sena, qasam l-emozzjonijiet ta’ dieqa tiegħu fuq il-paġna ta’ Facebook permezz ta’ messaġġ li ċertament jirrifletti l-imħabba tiegħu lejn martu u l-personalità sabiħa tagħha.

Minbarra n-niket li ġabet għal Aldo, din il-firda tant kiefra, proprju llum huwa jum għeluq snin Marie Claire, iżda “jum għeluq sninha kellha tqattgħu mal-Mulej” qal żewġha.

Filwaqt li rringrazzja lil kull min qed juri sapport f’dan iż-żmien tant diffiċli, Aldo, li jiġi ħu l-attur u awtur Gino Lombardi, iddeskriva lil Marie Claire bħala “l-mara ta’ qalbu u l-imħabba ta’ ħajtu.”

Int kont anġlu miexi fl-art fejn kull fejn missejt u kull ma’ min iltqajt ħallejt biss IMĦABBA u POŻITTIVITÀ, fejn mill-iswed dejjem ħriġt l-abjad, fejn dejjem ħarist lejn it-tajjeb ta’ dak li jkun, fejn qalbek dejjem tajt u biha inti ferraħt, fejn bit-tbissima tiegħek ferraħt lil ħafna qlub. Lil Mulej kont dejjem tħobb u mħabbtu dejjem trodd, ħallejtni u lil kulħadd, b’qalb maqsuma b’uġigħ Kbir u ħallejt vojt kbir, imma t-tama tagħna hi fil-Mulej u għalhekk moħħna mistrieħ li qiegħda ħdejh fil-paċi u l-imħabba tiegħu. MAR INĦOBBOK GĦAL DEJJEM SAKEMM NERĠGĦU NILTAQGĦU MAĦBUBA TA’ QALBI. KEMM KONT TĦOBBNI. Awguri kbira lill-għażiża marti li tant inħobb, imħabba bla tmiem, f’għeluq sninha, li illum għalqet 46 sena u li l-birthday kellha tqattgħu mal-Mulej.

Id-dettalji tal-funeral se jitħabbru aktar tard.

Insellmulek Marie Claire.

Kondoljanzi lill-familja, il-ħbieb u dawk kollha qrib.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks