Il-plejer tal-Arsenal, Pablo Mari, jgħid li jħossu fortunat li għadu ħaj wara li lbieraħ filgħaxija safa vittma ta’ attakk b’sikkina fl-Italja, li ħalla wieħed mejjet u 5 oħra feruti.

Pablo Mari kien qed jixtri ma’ martu u ibnu, li għadu tarbija, fil-ħin tal-inċident xokkanti f’supermarket qrib Milan.

Il-midja lokali rrappurtat li kaxxier ta’ 30 sena miet wara li raġel qabad sikkina minn fuq l-ixkafef u beda jattakka lin-nies biha.

Suspettat ta’ 46 sena, maħsub li għandu problemi ta’ saħħa mentali, inżamm arrestat bil-pullzija teskludi t-terroriżmu bħal motiv.

Pablo Mari, ta’ 29 sena, ittieħed bl-ajru fi sptar f’Milan flimkien mal-vittmi l-oħra.

L-istilla tal-Arsenal rrakkonta kif malli ngħata daqqa ta’ sikkina f’dahru, hu dar u ra lill-aggressur joqtol persuna oħra. “Illum kont fortunat li bqajt ħaj, għax rajt persuna tmut quddiemi.

Skont il-Gazzetta Delli Sport, il-plejer kien qiegħed mat-trolley bit-tifel ġo fih.

Huwa nżamm l-isptar u mistenni jinżamm hemm għal diversi jiem oħra wara li llum saritlu operazzjoni fuq żewġ muskoli f’dahru.

Mhuwiex mistenni li jirritorna biex ikompli l-karriera tiegħu qabel mill-inqas xahrejn oħra.

Permezz ta’ kitba flimkien ma’ ritratt li tella’ fuq Instagram huwa rringrazzja lil kulħadd tal-messaġġi ta’ sapport u affezzjoni li qed jirċievu.

Wara l-mument iebes li esperjenzajn lbieraħ, kemm jien u l-familja tiegħi irridu ninfurmawkom li aħna ninsabu tajbin minkejja ċ-ċirkostanzi. Barra minn hekk, irridu nibagħtu l-kondoljanzi tagħna u s-saħħa lill-familja u l-ħbieb tal-persuna mejta, u sinċerament nawguraw li l-persuni midruba kollha jirkupraw kemm jista’ jkun malajr.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks