Il-Halloween iġib miegħu reazzjonijiet u opinjonijiet differenti dwar jekk din il-festa għandhiex tiġi ċċelebrata jew le.

Filwaqt li bosta jiċċelebrawh u saħansitra anki jżejnu d-dar tagħhom, oħrajn, partikolarment dawk li jħaddnu r-reliġjon Kattolika jemmnu li din il-festa tmur kontra l-valuri li tħaddan ir-reliġjon u saħansitra jemmnu li huwa dnub li tiċċelebrah.

Minħabba n-natura u t-tema ta’ din il-festa, ħafna jassoċjawha ma’ dak kollu li hu relatat max-xitan, u huwa għalhekk li ħafna ġenituri jirrifjutaw li jħallu lil uliedhom jilbsu xi kostum relatat mal-Halloween.

Madankollu, attivitajiet relatati mal-halloween huma inklużi anki fl-iskejjel.

Kont taf li l-Halloween għandu l-għeruq tiegħu ġejjin mill-kultura tar-reliġjon Kattolika?

Iżda fost dawn l-opinjonijiet kollha, il-knisja Kattolika għandha xi pożizzjoni dwar il-Halloween?

Dwar dan tkellimna ma’ Fr. Brendan Gatt:

Bażikament ma nistgħux ngħidu li l-Knisja għandha xi pożizzjoni uffiċjali, għax qisu hemm attitudni ta’ “wait and see.” L-ewwel ħaġa jiddependi ħafna mill-pajjiż fejn qed jiġi ċċelebrat il-Halloween. Fl-Amerika ilu jiġi ċċelebrat snin twal mentri fl-Ewropa huwa xi ħaġa iktar reċenti. F’ħafna pajjiżi, il-Knisja tenfasizza l-għeruq insara tal-Halloween (il-kelma fiha nfisha hija frażi antika biex tfisser Lejlet il-Festa tal-Qaddisin Kollha: All Hallows’ Eve). Imma fil-pajjiżi Ċeltiċi bħall-Irlanda din l-osservanza tal-qaddisin kollha tħalltet mal-fdalijiet ta’ festivals pagani li kienu jeżistu minn qabel il-fidi Nisranija waslet f’dawn il-pajjiżi. U allura ħarġet il-hybrid li hija l-Halloween. Imbagħad dan il-festival ġie esportat lejn l-Amerika (mal-emigranti Irlandiżi) u minn hemmhekk inxtered mad-dinja kollha.

Fr. Brendan Gatt

Fr. Brendan Gatt qalilna li f’ħafna pajjiżi qed issir enfasi biex nerġgħu niskopru l-għeruq Insara, billi lit-tfal inkellmuhom (u nlibbsuhom) ta’ qaddisin, minflok ta’ sħaħar, fantażmi, zombies u affarijiet koroh u negattivi.

U x’inhi l-opinjoni personali ta’ Fr. Brendan dwar il-Halloween?

Fr Brendan jirrifletti dwar il-ħafna messaġġi li nies qrib il-Knisja jwasslu kontra l-Halloween f’dan iż-żmien tas-sena u jistaqsi jekk b’hekk inkunux iktar qed nagħmlu riklam għal din iċ-ċelebrazzjoni.

Bħal ħafna ċelebrazzjonijiet oħra, tajjeb li wieħed ikun prudenti. Sakemm iċ-ċelebrazzjoni tibqa’ fuq livell relattivament innoċenti ta’ kostumi u ta’ trick-or-treating allura mhix xi ħaġa ħażina. Pjuttost qisha karnival tax-xitwa. Ovvjament kieku kelli t-tfal tiegħi ma kontx se nlibbishom ta’ sħaħar jew xjaten, għax dawk żgur huma kontra l-valuri tagħna. Imbagħad jekk ikun hemm livelli iktar serji ta’ parties, iktar immirati għaż-żgħażagħ, fejn nibdew nilagħbu bl-okkult, allura l-ħaġa tkun saret ferm iktar serja u perikoluża. U għalhekk tajjeb li anki l-ġenituri joqogħdu attenti dwar liema messaġġi jingħataw lil uliedhom f’dan ir-rigward. Ħadd ma jixtieq li ċelebrazzjoni li mad-daqqa t’għajn hija innoċenti fir-realtà ssir ‘gateway drug’ għal realtajiet ferm iktar serji u tal-biża’.

Fr. Brendan Gatt

Fl-Anġelus tal-1 ta’ Novembru tal-2019, il-Papa Franġisku kien indirizza l-kontroversja dwar il-Halloween, meta ħeġġeġ lin-nies biex l-għada (jiġifieri t-2 ta’ Novembru, jum il-Mejtin Kollha) iżuru xi ċimiterju biex isellmu lill-għeżież mejtin tagħhom u jitolbu għalihom. Hu qalilhom li dan huwa iktar importanti llum il-ġurnata minħabba li “sfortunatament qed jingħataw ħafna messaġġi negattivi dwar il-mewt u l-mejtin.”

Ħafna ħadu dan il-kliem bħala riferiment indirett għall-Halloween. Il-Papa kompla jispjega li fil-Knisja Kattolika għandna rabta ferm iktar pożittiva mal-mewt, mill-kruha li tiġi assoċjata ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet (tal-Halloween) għax aħna naraw lill-mejtin bħala dawk li marru qabilna fl-eternità. U allura l-Knisja f’din id-dinja żżomm ir-rabta tagħna ma’ dawn ħutna li aħna nżommuhom f’talbna.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks