Waqt avveniment tal-Halloween li sar nhar il-Ġimgħa biex jiġi ċċelebrat l-40 anniversarju tal-album ikoniku u l-kanzunetta Thriller, it-tifel tar-Re tal-Pop, Prince Michael Jackson, tkellem ma’ People dwar kemm iħoss in-nuqqas tal-preżenza ta’ missieru, Michael Jackson, f’ħajtu wara li tilfu aktar minn 10 snin ilu.

“Naħseb fih kuljum,” qal Prince lil People. “Hemm ħafna kumplessitajiet fil-ħajja li nħoss li l-ġenituri jgħallmu dwarhom, allura mingħajr dan, inħossni konfuż. U wkoll, hemm legat kbir x’inżomm. Kien ikun tajjeb kieku kont naf kif jixtieq li jinżamm dan il-legat.”

Filwaqt li rrimarka li jisma’ b’mod regolari l-mużika ta’ missieru, Prince, l-ikbar wieħed mit-tliet itfal ta’ Michael Jackson, żied jgħid li ħafna mill-personalità ta’ missieru tinsab fil-mużika tiegħu.

Il-familja Jackson ilha tospita l-avveniment tal-Halloween kull sena bil-għan li tiġbor fondi għall-karitajiet tagħhom, The Heal Los Angeles Foundation u DeeDee Jackson Foundation.

Għall-avveniment attendew diversi mistednin notevoli, kif ukoll il-membri l-oħra tal-familja Jackson, Paris Jackson u Bigi Jackson, u wkoll il-ħabib tal-familja Chris Tucker.

L-avveniment ta’ din is-sena kien partikolarment speċjali minħabba li l-familja u l-ammiraturi ta’ Michael Jackson qed jiċċelebraw l-40 sena anniversarju mit-tnedija tal-album u l-kanzunetta bl-istess isem, Thriller.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks