F’kull kwistjoni, dejjem ikun hemm aktar minn verżjoni waħda. Għalkemm wieħed qatt m’għandu jiġġudika, speċjalment fuq sitwazzjoni li ma jafx dwarha, huwa importanti ħafna li wieħed jieqaf u jisma’ l-verżjonijiet ta’ kull naħa.

Dan hu dak li ħareġ mill-istorja, li ma kinitx mistennija, fuq il-programm TVAM, ippreżentat minn Keith Demicoli.

Waqt ir-rokna Poġġi ma’ Keith u kellmu fuq xiex trid li xxandret ilbieraħ, Keith, b’mod spontanju, qabad diskursata ma’ raġel ta’ 77 sena bl-isem ta’ Ġużi Mizzi.

Huwa qal li ta’ 25 sena kellu jieqaf jaħdem minħabba li kien weġġa’.

Fost oħrajn, tkellem dwar il-mara tiegħu, li qal li ilha mejta 8 snin, u dwar it-tlett itfal tiegħu, li hu qal li ilu 50 sena ma jarahom.

Skont hu, il-mara telqet bit-tlett itfal li kienu għadhom żgħar, wara li kien weġġa’ u ħaditha bi kbira ħafna. Kompla jgħid li llum it-tfal tiegħu huma miżżewġin, għandhom fuq l-40 u li “jekk jarahom għaddejjin minn quddiemu lanqas jagħrafhom.”

Żied jgħid li hawn min jiġi mill-Awstralja biex jara lil missieru, u skont hu, it-tfal jgħixu hawn Malta u ilu daqshekk ma jarahom.

Li ma kinux qed jistennew it-tim ta’ TVAM huwa r-reazzjoni li qanqlet din id-diskursata.

Għalkemm l-għan tal-programm TVAM huwa li jittrażmetti pożittività, id-diskursata li Keith kellu mal-anzjan, qanqlet sentimenti ta’ niket u uġigħ għat-tlett itfal tiegħu.

Dalgħodu, Brian Mizzi, it-tifel ta’ Ġużi Mizzi, ingħaqad ma’ Keith fil-programm biex jgħid il-verżjoni tiegħu u ta’ ħutu.

L-ewwel kliem li lissen Brian kienu li huwa mar fuq il-programm biex jiddefendi lil ommu, li hu tenna li “ilha mejta 6 snin u mhux 8 snin.”

Huwa tkellem dwar iż-żmien diffiċli li skont hu, ommu flimkien miegħu u ħutu, għaddew minnu.

Irrakkonta kif meta kienu żgħar, kienu jsibu lil ommhom fil-kċina “bid-daqqiet ġo wiċċha u b’rasha baxxuta tibki,” u tgħidilhom li ma kienx ikollha biex titmagħhom, anki għax xi drabi, skont hu, missierhom kien jarmi l-borma tal-ikel fiż-żibel.

Brian qal li ommu ma telqitx mid-dar għalxejn, telqet “minħabba s-swat li kien itiha, u jsabbatha mal-gwardarobba u mal-ħajt. Għalhekk telqet ommi mid-dar.”

Minbarra dak li qal missieru, Brian stqarr li weġġgħuh ħafna l-kummenti li kitbu ċerti nies dwar il-verżjoni ta’ missieru, fosthom kumment li xi ħadd għadda dwar ommu; “Jalla qed tinħaraq dik il-wiżgħa.”

Brian stqarr li ma jistax jaħfer dak li għamel missieru, filwaqt li kompla jgħid li f’40 sena qatt m’għamel telefonata waħda, lanqas meta t-tifla ta’ ħuh kienet qed tilgħabha bejn ħajja u mewt.

Sostna, li l-missier mhuwiex dak li jagħmlek, iżda dak li jkun hemm u jagħti kollox għal uliedu.

Kif għedna fil-bidu ta’ dan l-artiklu, huwa importanti li wieħed ma jismax qanpiena waħda biss u daqstant huwa importanti li nkunu ġentili fi kliemna.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks