It-telfa mhi faċli għal ħadd. Kiefra li titlef lil ommok jew lil missierek. Speċjalment meta jimirdu għaliex tkun taf li se jasal dak il-mument li jkollok titbiegħed minnhom, u dak il-mument ma tkunx tridu li jasal.

Iktar kmieni din is-sena, il-preżentatriċi Stephanie Spiteri, tilfet lill-għażiż papà tagħha.

Ilkoll niftakru meta s-sena li għaddiet, b’sorpriża, ħutha ġabu lil missierhom waqt il-programm live ta’ Stephanie Spiteri, Illum ma’ Steph.

B’filmat hi tispjega li din hija memorja li se tibqa’ tgħożż.

“Kemm jiena ffortunata li għandi memorja bħal din. Lanqas qatt ma ħlomt li ħa jġibu lil missieri.

Missierha ma kienx jitlef programm jew reklam wieħed ta’ bintu Stephanie.

“Tlift l-ikbar ammiratur tiegħi. Missieri minn mindu kelli 15-il sena, ġabar il-filmati kollha tiegħi. Irrekordja kull programm u kull reklam. Ma tilef qatt minn dak li għamilt jien. Allura kif bdiet l-iskeda ħassejtha. Dejjem niġri bis-santi tagħhom għax naf li ġid jriduli huma.”

Missier Stephanie kellu l-Parkinson’s. Kienet taf li se jasal dak il-jum li fih mhux se jkun hemm, però xorta waħda kienet diffiċli.

“Ma kienx kapaċi jagħmel żewġ affarijiet f’daqqa. Jiġiferi jekk inti tkellmu, huwa kien ikellmek, imma jekk ħa tgħidlu biex jimxi, ma kienx kapaċi jkellmek u jimxi. Imbagħad kien jieqaf, jiġifieri jkun qed ikellmek u filli jieqaf u jibqa’ litteralment wieqaf. Iktar ma beda jgħaddi ż-żmien, l-affarijiet bdew jiggravaw. Qabel kien jimxi, imbagħad ma baqax jimxi sew, kien jitkellem normali mbagħad beda jitkellem iktar bil-mod.”

Tistqarr li issa missierha straħ.

“Issa qiegħed mal-mamà hemm fuq, qiegħed post aħjar, ma għandix dubju.”

Jumejn oħra, jiġifieri, is-Sibt 5 ta’ Novembru, se tittella’ maratona b’risq persuni li jgħixu bil-Parkinson’s biex jinfetaħ ċentru li jkun attrazzat għal dawn il-persuna. Din il-maratona, li ġġib it-tema Mad-Daqqa Niżfnu, se tittella’ minn nofsinhar sa nofsillejl, fuq One TV, Net Tv u F Living Channel.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks