Nitkellmu ma’ Stefania Attard Vella

Stefania, kif bdiet il-karriera tiegħek ta’ attriċi? U x’memorji għandek mill-ewwel produzzjoni li ħadt sehem fiha?

Bdejt n-namra tiegħi lejn il-palk minn età żgħira ħafna, tista’ tgħid meta kont l-iskola. Kont involuta fir-reċti li konna ntellgħu fuq il-palk għal żmien il-Milied, prize days eċċ, kemm fil-primarja u kif ukoll fis-sekondarja. Ta erbatax il-sena bdejt nattendi id-Drama Cente u minn hemm ma ħaristx lura, bqajt ninteressa ruħi u ninvolvi ruħi fid-drama.

Xi ħaġa li niftakar mit-tfulija tiegħi hi li bħala familja konna mmorru t-teatru spiss naraw ix-xogħol mill-aqwa li kien itella’ l-mibki imma qatt minsi Lino Grech, li huwa z-ziju ta’ missieri.

L-ewwel produzzjoni li hadt sehem fiha meta bdejt nikber ftit u li ma ninsa qatt hi play dwar il-ħajja ta’ Bernardette Soubirous fejn kelli l-parti impenjattiva u xejn faċli tal-Madre Superjura tagħha li xejn ma kienet titrattaha sew. L-ewwel produzzjoni televiżiva kienet L-Avukat Gawdenz Bilocca.

Liema mill-karattri li ħdimt s’issa kienu l-aktar ta’ sfida iżda ta’ tant sodisfazzjon?

Kelli ħafna partijiet li ħdimt kemm fuq palk u anke televiżjoni u tista’ tgħid li kollha kienu għal qalbi u li ħdimt ħafna biex ninterpreta bl-aħjar mod. Imma naħseb kieku kelli nagħżel, nagħżel il-parti għal qalbi ħafna ta’ Marija, li ta kull sena ninterpreta fid-dramm tal-passjoni mtella’ minn One 4 Two Productions, u li tkun kitba u direzzjoni ta’ Renzo Bonello.

Se tkun waħda mill-atturi tal-kummiedja ‘Għall-erwieħ’. Għidilna ftit dwarha u dwar il-karattru li se tkun qed tinterpreta.

Iva l-weekend li ġej, fil-5 u 6 ta’ Novembru se nkun qed nieħu sehem fil-Kummiedja ‘Għall-Erwieħ’ li se tittella’ fit-teatru tal-istitut Kattoliku, il-Furjana. Kummiedja ħelwa ħafna u m’għandix dubju li min ġej jarana se jieħu gost u jidħak daħka tajba.

Il-kummiedja hija dwar erbat erwieħ, ċenturjun, kavallier, fizzjal u ministru li inqabdu ġo villa u għal xi raġuni weħlu hemmhekk u m’għaddewx għall-ħajja ta’ dejjem. Lil dawn l-erwieħ ħadd ma jaf bihom sakemm tasal Sophie is-sid il-ġdida ta’ din id-dar. Jien se nkun qed ninterpreta l-parti ta’ Dolores, omm ir-raġel ta’ Sophie. Dolores għandha karattru partikolari ħafna u għalkemm ġiet fil-villa biex tissendika u tqatta’ ftit ħin fiha, ma tantx se jirnexxielha tagħmel dan għax il-villa se tfakkarha fil-passat tagħha u terġa’ tgħix il-memorji ta’ żminijiet sbieħ li għexet fil-villa. Issa biex wieħed ikun jaf eżattament ma’ min se tiltaqa’ Dolores u x’se jiġri eżatt, nistieden lill-qarrejja jiġu jarawna. Bħalissa għaddejjin bl-aħħar preparamenti, qegħdin tim ta’ atturi veru tajjeb u aħna li qed nieħdu sehem fil-kummiedja ukoll qed niehdu gost u nidħku aħseb u ara minn ġej jarana.

L-atturi sħabi li se jieħdu sehem huma: Renzo Bonello, Snits Mario Spiteri, Stefan Galea Debono, Dorian Micallef, Ismael Bonello, Liza Farrugia, Matthew Balzan, Kurt Gatt u Michael Stivala. Storja ta’ Ismael Bonello u kitba u direzzjoni ta’ Renzo Bonello.

Kif tipprepara ruħek qabel kull produzzjoni teatrali? U xi tkun l-aħħar ħaġa li tagħmel qabel titla’ fuq il-palk?

Qabel kull produzzjoni teatrali nħobb inqatta’ ftit ħin għall-kwiet waħdi ngħaddi l-linji, u nikkonċentra biss fuq il-produzzjoni li jkolli. Qabel nitla’ fuq il-palk, inrodd is-salib, ngħid talba żgħira u nitlob lil oħti tkun miegħi bħal ma nemmen li dejjem hekk tagħmel. Peress li hi ukoll kienet tirreċta, kull produzzjoni li nieħu sehem fiha niddedikaha għaliha.

Liema kienu l-ikbar kisbiet fil-karriera tiegħek s’issa?

Ħdimt ma’ kumpaniji u atturi differenti u sinċerament kull esperjenza tajba u inqas tajba għenitni nikber f’dan il-qasam. Nemmen ukoll li dejjem għad baqa’ x’nitgħallem, għalhekk l-akbar kisbiet huma l-esperjenzi varji ta’ produzzjonijiet li ħadt sehem fihom kemm fuq il-palk kif ukoll televiżjoni li għallmuni ħafna.

X’inhi l-isbaħ ħaġa u l-aktar parti diffiċli f’din l-industrija? U fejn tħoss li hemm bżonn isir progress?

L-isbaħ ħaġa hija r-rispons tan-nies li jsegwuk. Dan jagħmillek kuraġġ kbir u li juru li qed japprezzaw ix-xogħol tiegħek u l-partijiet varji li tkun interpretajt. Min-naħa l-oħra, għalkemm dan huwa tista’ tgħid passatemp, ikun hemm hafna preparamenti u studju ta’ skripts eċċ. Fi ftit kliem, trid ħafna ħin u dedikazzjoni. Inħoss li l-attur għandu jkun aktar stmat u apprezzat għall-ħidma tiegħu. Biex tittella’ produzzjoni ġieli jkun hemm xhur sħaħ ta’ preparamenti, rehearsals eċċ.

Lil hinn mit-teatru u t-televiżjoni, min hi eżattament Stefania?

Il-professjoni tiegħi hija dik ta’ għalliema. Jiena miżżewga u omm ta’ żewġt subien wieħed ta’ 12 u l-ieħor ta’ 15. Il-familja kollha tiegħi hija l-aktar ħaġa għażiża għalija. Fil-ħin liberu tiegħi (meta jkolli!!) apparti li nirreċta, inħobb inpenġi u nsajjar xi ħaġa ġdida. Li nara lil xi ħadd jitbissem u kuntent huwa l-akbar sodisfazzjon li jista’ jkolli.

Jien persuna sensittiva ħafna u xi kultant ninħeba wara tbissima meta qalbi tkun imkissra biċċiet. Il-fatt li tlift lil oħti ta’ eta żghira ħafna biddilli ħajti ta’ taħt fuq, imma nibqa’ nipprova. Naqa’ u nerġa’ nqum. Xi ħaġa pożittiva hi li llum il-ġurnata hawn nies apposta li jisimgħuk u jgħinuk. Il-mistoqsijiet mhux dejjem ikun hemm risposti għalihom imma għall-inqas tifhem li mhux waħdek tkun qed iġġorr il-piż tal-ħajja li xi kultant taf tkun iebsa mmens.

Waħda mir-relazzjonijiet li tant tgħożż hija dik li kellek ma’ oħtok. Min kienet din il-mara tant speċjali? U liem memorji mit-tfulija tagħkom tgħożż l-aktar?

Ohti Mariel kienet u għadha parti importanti minn ħajti, mhux biss oħti imma ħabiba tal-qalb li magħha kont nitkellem fuq kollox u li bħalha ftit issib. Kienet mara b’qalb kbira u dejjem bit-tbissima fuq wiċċha, dejjem lesta biex tgħin lil ta’ madwarha. Kull memorja kemm tat-tfulija nilgħabu u nimbxu lil xulxin kif ukoll ta’ meta kbirna u konna niltaqgħu spiss bit-tfal tagħha u tiegħi, nibqa’ ngħożżhom għal dejjem.

Peress li t-tnejn konna nvoluti fid-drama għandi memorji sbieħ ukoll ta’ meta konna fuq il-palk flimkien. Waħda mill-aktar memorji li niftakar ta’ meta konna żgħar hija ċ-ċajtiet li konna nagħmlu, peress li kellna leħinna simili ħafna. Ġieli anke tad-dar kienu jitħawwdu ma’ min kienu qed jitkellmu.

Wieħed mill-aktar mumenti imbarazzanti li ma tinsa qatt.

Wieħed mill-aktar mumenti mbarazzanti kien ftit taż-żmien ilu waqt li qed nieħu sehem f’kummiedja fuq il-palk. Kont għadni kif dħalt wara l-palk, wara li spiċċat xena u kelli nerġa’ noħroġ wara ftit. Għal xi raġuni li sal-lum stess għadni ma nafx x’inhi, ma ħrigtx fuq il-palk, mhux talli hekk talli lanqas indunajt li jien ħadt żball. Wara ftit indunajt, imma kien tard wisq. L-atturi bravissimi sħabi li kelli miegħi irranġaw u improvizzaw. Wara tgħidx kemm skużajt ruħi u ħassejtni veru ħazin. Darba biss grat u nispera ma terġax tiġri!

Liema xena minn film tqanqallek l-aktar sentimenti kull darba li taraha?

Il-film ‘The Notebook’ jogħġobni wisq, ma niddejjaqx narah għal ħafna drabi anke jekk naf kull xena bl-amment. L-atturi bravissimi kienu tajbin immens f’kull xena u l-istorja hija waħda sabiħa immens u mimlija emozzjonijiet.

X’kienet l-akbar lezzjoni li tgħallimt f’ħajtek?

L-aktar lezzjoni li għallmitni l-ħajja hija li ngħix ġurnata b’ġurnata, u ma ninkwetax iżżejjed, għax illum hawn u għada ħadd ma rah. Għandi napprezza kull ħaġa li għandi madwari, anke l-inqas ħaġa u li m’hawnx affarijiet isbaħ minn sempliċiment tgħanniqa, kelma ta’ kuraġġ jew sempliċi xi ħadd joqgħod ħdejk jew jisimgħek fi żmien diffiċli, anke jekk ma jgħid xejn. L-imħabba hija l-akbar forza qawwija li teżisti fid-dinja.

X’jispirak u jimmotivak f’xogħlok u fil-ħajja personali tiegħek?

Jispirawni nies pożittivi li għalkemm ikunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli f’ħajjithom, jibqgħu jfittxu u jittrażmettu l-pożittività. Inħossni motivata bil-fatt li dejjem nitgħallem affarijiet ġodda u nżomm ruħi infurmata. Meta naħdem ma’ grupp ta’ nies li kollha niġbdu ħabel wieħed u naħdmu għal għan wieħed ukoll hija xi ħaġa li tagħtini motivazzjoni kbira.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks