Tħobb taħli l-ħin?
“Min, jien? M’għandix ċans naħli l-ħin, u anqas għandi ħin x’naħli – għax il-ħin kollu gass mal-pjanċa, u bilkemm insib ċans niekol jew nagħmel il-mixja li ordnali it-tabib.”
Illum se niskopru l-Amerka… jew, almenu, se nsibu mnejn innaqqru ħames minuti minn hawn, u għaxar minuti minn hemm, mill-aġenda sfrenata ta’ kuljum… biex fl-aħħar ikollna l-ħin għalina.
Kultant, anqas nindunaw li qed naħlu l-ħin. Telefonata ddum għoxrin minuta, il-ħames minuti biex naraw il-messaġġi jsiru sagħtejn għax nidħlu f’argument sħun ma’ xi ħadd li anqas biss nafuh; indumu siegħa biex ninħaslu u naraw x’se nilbsu, u nsajru meta niġu mix-xogħol.
Għall-mument, ninsew il-prokrastinazzjoni li tgermilna ħafna mill-ħin. U ninsew li hawn min jgħaddi siegħa, jew iżjed, kuljum, ma jagħmel xejn hlief jilgħab bit-testiera (jiġifieri, mhux biex jaħdem jew jara l-mobile sakemm qiegħed fuq tal-linja).
Niskantaw, u nitkażaw, bl-istatistika; ninsew li aħna parti minnha, allavolja ma ċemplulniex biex jaraw ma’ liema kumpanija abbonati u kemm indumu fuq l-internet, kuljum.
Hawn min jiddejjaq isajjar meta jiġi mix-xogħol; għax ikun għajjien, jew għax jitnaqqar il-ħin minn mal-familja. Jordna take-away, jew ma jssajjar xejn u jiekol baguette, jew… isajjar kontra qalbu. Hemm soluzzjoni oħra. Jekk tqum imqar nofs siegħa qabel, tilħaq issajjar, u kulħadd isib ikla lesta meta jasal, allavolja jaslu ħinijiet differenti.
Hemm ikel li ma tistax issajru qabel. L-iżjed ħaġa sempliċi hi li tqiegħed l-ingredjenti li se tuża f’borma, iżżid ilma kemm tgħatti kollox, u naqra iżjed, u ssajjar sakemm jagħli l-ilma, u mbagħad tbaxxi n-nar u tħallih itektek. Sakemm tinħasel u tilbes, isir kollox; u tinsiex li l-ikel ikompli jsir bis-sħana tiegħu stess. Filgħaxija, agħżel int – ixwi t-tiġieġa, għaffeġ il-patata, qatta’ z-zunnarija u l-pastard u żżidlu t-tadam, żebbuġ, u basal… imma almenu għandek il-bażi lesta.
Kultant, indumu ħafna nagħżlu xi rridu nagħmlu bit-turrun karti, fosthom il-posta, li jinġemgħu matul il-ġimgħa. Jekk kuljum nagħmlu ħames minuti naraw x’se nżommu, x’se nwieġbu (jew inħallsu!) u x’se jmur dritt fil-borża tar-riċiklaġġ, neħilsu eħfef.
L-istess, dwar it-telefonati. Flok tagħmel it-telefonati kollha f’daqqa, agħmel waħda kuljum. Hekk, meta ma jirnexxxilekx taqbad, tipprova numru ieħor, u mhux tiddejjaq għax lil erba’ min-nies ma sibthomx.
Jekk għandek xi biċċa xogħol antipatka x’tagħmel, eħles minnha mill-iktar fis. Hekk, teħles mill-istress għax ma tħammimx fuqha, u tiffoka fuq il-ħwejjeġ l-oħra.
Jgħinek ukoll jekk tgħaddi minn moħħok x’għandek tagħmel matul il-jum; jekk tippjana b’lista, ara li ma tiffissax fuqha, u kull darba li tagħmel xi ħaġa, tibda tikteb lista ġdida mingħajr dik il-ħaġa.

Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista