Il-kantant u rapper Aaron Carter, ħu Nick Carter ta’ Backstreet Boys, miet fl-età ta’ 34 sena.

Il-mewt tiegħu ġiet ikkonfermata mir-rappreżentanti tat-tim tiegħu. Skont rapporti mill-midja barranija, huwa nstab mejjet fil-banju tad-dar tiegħu f’Lancaster, Kalifornja, is-Sibt filgħodu.

S’issa l-awtoritajiet ma tawx aktar tagħrif dwar il-kawża tal-mewt tiegħu.

Carter, li beda jibni l-fama tiegħu bħala tifel b’kanzunetti pop bħal I Want Candy u Crush on You, ħalla warajh lil ibnu ta’ 11-il xahar.

Hekk kif beda jikber, Carter qaleb għall-mużika rap, u ħa sehem ukoll fi musicals ta’ Broadway u fil-programm televiżiv Amerikan Dancing With The Stars.

L-istudio album tad-debutt tal-kantant, Aaron Carter, ġie mniedi fl-1997 u aktar kmieni dik is-sena huwa kien akkumpanja lill-Backstreet Boys. Il-ħames u l-aħħar studio album tiegħu, Love, ġie mniedi fl-2018.

Carter kien magħruf ukoll għar-rwoli tiegħu fuq sensiliet televiżivi bħal Lizzie McGuire fuq Disney Channel u 7th Heaven.

Il-kantant kien irċieva mħabba u sapport minn ammiraturi u ċelebritajiet oħra fl-2017 wara li ħareġ bħala bisesswali.

F’dik is-sena wkoll, huwa ġie arrestat fil-Ġeorġja fuq suspett ta’ sewqan taħt l-influwenza u pussess ta’ marijuana hekk kif hu u t-tfajla tiegħu ta’ dak iż-żmien kienu qed jivvjaġġaw mill-Kontea ta’ Habersham.

F’episodju ta’ The Doctors fl-2019, il-kantant kien tkellem dwar il-battalja tiegħu ma’ diversi kwistjonijiet relatati mas-saħħa mentali inklużi skizofrenija, ansjetà u dipressjoni.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks