Uħud kienu jgħidu li kienet mietet fil-mitħna hemm fuq. Oħrajn kienu jgħidu li tant ħaditha bi kbira, kienet telqet minn hemm.
U llum ġietni l-kurżita. U ridt nitla’ fuq biex nara.
“Ejja miegħi,” għidt lil Maria. Maria kienet qisha oħti. Dejjem flimkien. Konna sirna ħbieb xi ħames snin ilu, meta kienet ġiet tgħix f’dan ir-raħal.
“Aħjar le……..” qaltli.
U dak il-ħin rajt xufftejha jiġġebdu donnha kienet qiegħda tibża’.
“U ejja!” għidtilha.
Kważi ġbitha ‘l fuq. Tlajna l-għolja. Wasalna quddiem il-mitħna. Ħassejt qalbi tħabbat mija mija. Il-pupa li kienet għamlitli kienet għadha fil-moħba, sabiħa daqs li kieku kienet għadha ġdida.
Il-paletti tal-mitħna kienu mikulin u kien hemm xi rwejjaħ mhux pjaċevoli. Jien ersaqt lejn il-bieb, indunajt li kien imsakkar u mbuttajtu ftit.
Infetaħ.
Għal mument, kont ser indur lura għax bdejt nibża’.
Iżda Maria kienet warajja u donnha issa riedet tidħol.
Ersaqna mal-bieb u ttawwalna ‘l ġewwa. Maria mbuttat il-bieb u dħalna.
Bdejt nirtogħod. Bdejt nibża’.
“Dik x’inhi?” staqsejt lil Maria.
Rajt qisha forma ta’ mara fuq is-siġġu. Donnha kienet iċċassata tħares ‘il quddiem. Qalbi għamlet tikk.
Pupa.
Kienet pupa.
Eżatt bħalha.
Eżatt bħalma kienet hi.
Xagħar kulur id-deheb. Par għajnejn kbar kannella.
Kont insejt kif kienet.
Iż-żmien inessi.
Imbagħad dort inħares lejn Maria. Maria kienet qiegħda tħares lejja b’mod mhux tas-soltu.
U ndunajt.
Maria resqet eqreb lejja. Għamlet subgħajha l-werrej quddiem xufftejha.
“Xxxxxxxxxx,” qaltli. “Tgħid lil ħadd.”
Neħħiet il-parrokka u n-nuċċali tal-vista. U ħarist lejn xuxitha dehbi u għajnejha kbar kannella.
U kont naf.
Kont naf li kont qed inħares lejha.
Lejn dik li xi darba kienet tagħmel il-pupi.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks