Tħabbret il-mewt tan-nutar u eks segretarju Parlamentari Tony Abela fl-età ta’ 66 sena.
Abela ħa l-edukazzjoni tiegħu f’San Alwiġi u aktar tard fl-Università ta’ Malta.
Huwa serva bħala Segretarju Parlamentari bejn l-2003 u l-2008.
In-nutar Abela kien membru tal-SDM, KSU u aktar tard huwa kien ukoll Teżorier tal-Partit Nazzjonalista bejn l-1996 u l-1999.
Fl-1981, huwa kkontesta għall-ewwel darba l-elezzjoni ġenerali u 5 snin wara ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament.
Fost ħafna li qed isellmu l-memorja tan-Nutar Tony Abela u jesprimu d-dispjaċir tagħhom għall-aħbar tal-mewt tiegħu fuq il-midja soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li jinsab ixxukkjat u ddispjaċut bit-telfa tan-nutar u wassal il-kondoljanzi tiegħu u tal-Partit lill-familja tiegħu.
Ninsab ixxukkjat u ddispjaċut bit-telfa tan-Nutar Tony Abela. Tlifna persuna leali li ta ħafna għad-distretti li kkontesta, għall-pajjiż u għall-Partit Nazzjonalista. Inwassal il-kondoljanzi tieghi u tal-Partit lill-familja ta’ Tony, li naf kemm dejjem kienet għal qalbu u li dejjem ra li ma jkun jonqosha xejn.
Insellmu l-memorja tan-nutar Tony Abela u nwasslu l-kondoljanzi tagħna lill-familja, ħbieb u dawk kollha qrib.
