Kardinal Franċiż, ta’ 78 sena, ammetta li abbuża sesswalment minn tifla ta’ 14-il sena meta kien kappillan fis-snin tmenin.

Il-Kardinal Jean-Pierre Ricard, li kien isqof ta’ Coutances, Montpellar u Bordeaux mill-2001 sal-2019, u wieħed mill-11-il isqof jew eks isqof akkużati b’abbuż sesswali fuq minuri, ammetta fi stqarrija li nqrat it-Tnejn fil-Konferenza tal-Isqfijiet Franċiżi f’Lourdes.

“35 sena ilu, meta kont kappillan, ġibt ruħi b’mod kundannabbli ma’ tifla ta’ 14-il sena. L-imġiba tiegħi żgur li kkawżat konsegwenzi serji u dejjiema għal din il-persuna,” kiteb il-Kardinal fl-istqarrija.

Filwaqt li talab maħfra lill-vittma, huwa qal li ddeċieda li jpoġġi lilu nnifsu għad-dispożizzjoni tal-ġustizzja kemm fis-soċjetà kif ukoll fil-Knisja..

Il-Kardinal Ricard irtira f’Ottubru tal-2019.

L-Arċisqof Eric de Moulins-Beaufort qal lill-ġurnalist u li l-11 jinkludu eks isqof ta’ Créteil, Michel Santier, li rtira s-sena l-oħra wara li kien akkużat li wettaq abbuż sesswali għoxrin sena qabel.

Xi wħud qed jiġu investigati għal abbuż sesswali filwaqt li oħrajn huma akkużati li naqsu milli jirrappurtaw każijiet ta’ abbuż.

Il-Kap tal-konferenza qal li apparti l-kardinal u Michel Santier, 6 isqfijiet ġew akkużati mill-ġudikatura jew mill-Knisja u li wieħed kien diġà mejjet.

Fir-rapport tagħha f’Ottubru tal-2021, kummissjoni indipendenti mwaqqfa mill-Knisja Kattolika sabet li madwar 216,000 tifel u tifla ġew abbużati mis-snin 50, fil-biċċa l-kbira subien ta’ bejn l-10 u t-13-il sena

Franza hija waħda minn ħafna pajjiżi li l-allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali tappnu r-reputazzjoni tal-Knisja Kattolika Rumana. Is-sena li għaddiet, il-Papa Franġisku biddel il-liġijiet tal-Knisja biex l-abbuż sesswali, azzjonijiet fuq minorenni b’intenzjonijiet sesswali, il-pussess ta’ pedopornografija u l-ħabi ta’ abbuż jitqies bħala reat kriminali taħt il-liġi tal-Vatikan.

F’messaġġ qabel il-konferenza tal-Isqfijiet f’Lourdes, il-Papa qal li l-Knisja ta’ Franza reġgħet ġiet maħkuma mill-abbużi li saru minn uħud mir-rgħajja tagħha.

Il-konferenza kienet qed timmira li ssib kif tista’ tittejjeb il-komunikazzjoni u t-trasparenza f’każijiet ta’ abbuż li jinvolvu lill-kleru.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks