Fil-ħajja mhux lakemm tifred il-komiku mit-traġiku, tidentifika kif tibda ġrajja ta’ mħabba, jew fejn tieqaf ir-realtà u timraħ il-fantażija.  Daqshekk ieħor il-bniedem m’għandux il-ħila jgħid meta jkun il-waqt preċiż meta jiżżerżaq fid-dinja tal-ħolm.  Saħansitra sar iebes biex jingħażlu l-fatti mill-istħajjil. U ġieli wkoll jkun lubien, bejn rieqed u mqajjem.  

Ix-xogħol teatrali li jmiss ta’ DWAL ĠODDA, LUBIENA, miktub minn Martin Gauci, jistħarreġ ġrajja ta’ mħabba bejn Ġorġ u Lina tul is-snin, ix-xewqat tagħhom u ta’ wliedhom, u kemm jistgħu jmorru żmerċ is-sindikajri tal-inħawi li mingħalihom jafu kollox dwar x’inhu għaddej madwarhom. U magħhom jidħol ukoll persunaġġ misterjuż, id-Dott.


Kulħadd mingħalih jaf kollox dwaru, waqt li hu stess mhux dejjem ikun jaf fejn qiegħed.  U kollox jinħema f’Dar Ġorġ u Lina li tagħti fuq il-pjazza tal-ħajja bejn ilbieraħ, illum u għada.

Kulħadd iġorr miegħu l-għaqbut jew bizzilla tal-ġrajjiet imgħoddija; filwaqt li kollox jidher li jibqa’ l-istess, ikun qed jinbidel.

Għalkemm bidla mhux bilfors tfisser żvilupp, iżda biex iseħħ żvilupp jeħtieġ tinħema bidla. U kif tidħol Angie biex jitnaddaf it-trab li jista’ jkun inġema’ tul is-snin?

Id-Dwal Ġodda għandhom ħabta jippreżentaw xogħlijiet li mhumiex lineari. Jerġa’, tul LUBIENA, l-udjenza trid tkun biex tħoll u tgħaddad it-trufijiet mifruxa.  (Saħansitra jaf tkun mħajra tissoponi min qabel min se jmut l-ewwel bejn Ġorġ u Lina.)

L-Għaqda Dwal Ġodda ilha snin tirsisti biex twassal ħidmietha teatrali li waqt li tagħti gost, toqros lill-udjenza.  Bil-produzzjoni LUBIENA tħajjarha ma tibqax hi wkoll lubiena, ħalli tiskopri kif il-palk jixhed kif fil-ħajja mhux bilfors kollox għandu jibqa’ kif inhu.

DWAL ĠODDA jistiednu lill-udjenzi għal LUBIENA, f’ambjent familjari, fi Spazju Teatrali, ftit passi ‘il bogħod mill-pjazza ta’ Ħal Għargħur,  mill-Ħamis 17 sas-Sibt 19 ta’ Novembru fit-8 ta’ filgħaxija. Imbagħad il-Ħadd 20 ta’ Novembru ir-rappreżentazzjoni tkun fit-6.30 ta’ filgħaxija.

Booking qabel hu meħtieġ fuq dawn id-dettalji:

www.facebook.com/dwalgoddatheatre/

 dwalgoddatheatre@gmail.com

mob: 79014804 / 79092624

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks