Il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel Massimo Zammit ġie sospiż u se jiġi investigat mill-pulizija dwar numru ta’ allegazzjonijiet li saru, li s’issa għadhom ma ġewx imsemmija.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali qal li l-Kap preżenti tat-Teatru Manoel ġie b’effett immedjat sospiż b’nofs paga mill-bord tat-tmexxija tat-Teatru Manoel wara rakkomandazzjonijiet ippreżentati f’rapport minn bord estern li twaqqaf biex jgħarbel għadd ta’ allegazzjonijiet li saru.

Filwaqt li l-Ministru Owen Bonnici rrefera l-każ lill-Pulizija, se jkun qed jitwaqqaf ukoll bord ta’ dixxiplina biex jisma’ u jiddetermina l-każ.

Fl-istqarrija, il-Ministeru ħabbar ukoll li s-Sur Edward Zammit, li preżentament jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Spazju Kreattiv ġie maħtur b’effett immedjat Aġent Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel filwaqt li jżomm ir-rwol tiegħu fi Spazju Kreattiv.

Is-sospensjoni ta’ Massimo Zammit tiġi ftit wara s-sospensjoni ta’ kap ieħor ta’ entità governattiva artistika Maltija, il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Sigmund Mifsud.

Dan wara li ġie mixli bi tbagħbis ta’ evidenza wara li allegatament ta struzzjonijiet lill-impjegati tiegħu biex iżommu siekta dwar każ ta’ fastidju sesswali fl-orkestra nazzjonali.

Il-pulizija ressqu l-akkużi kontra uffiċjal tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, li wieġeb ħati ta’ fastidju sesswali. Fil-Qorti, ħareġ li l-vittma kienet irrappurtat internament iżda kienet ġiet injorata, u eventwalment telqet mill-impjieg.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks