Nitkellmu ma’ Tania Bartolo

Tania, wara 6 snin se tkun qed tagħmel ir-ritorn tiegħek fuq il-palk! Kif qed tħossok?

Inhossni ferm eċitata kif ukoll kuntenta li ħa naħdem ma’ nies li qatt ma ħdimt magħhom. Il-palk għalija huwa li dak li jagħmlek attriċi, mhux għax it-televiżjoni le ta imma li tħoss ir-rispons tan-nies miegħek hija xi ħaġa sabiħa immens.

Il-produzzjoni teatrali li se timmarka r-ritorn tiegħek hija Appuntamenti fl-Appartamenti. Għidilna ftit dwarha u dwar il-karattru li se tkun qed tinterpreta.

Iva, kummiedja sabiħa ħafna għall-familja kollha li qed tittella’ minn ACTion Productions u direzzjoni ta’ Sonic Aquilina. Il-karattru li se ninterpreta huwa ta’ Sandra, mart Lino Piccinino, karattru li se jkun qed jinterpretah Sandro Vella. Sandra tkun ftit imqarba u jogħġobh t-tabib Oscar. Sandra tħobb ftit il-fsied. Karattru sabiħ.

Min irid ikun jaf iktar, inħeġġiġkom biex tattendu dan il-weekend, is-Sibt it-12 u l-Ħadd it-13 ta’ Novembru ġewwa Teatru Dun Mikiel Xerri.

X’inhi l-aħħar ħaġa li tagħmel qabel toħroġ fuq il-palk?

L-aħħar ħaġa li nagħmel meta noħroġ fuq il-palk hi li nrodd is-salib u nagħmel ħames minuti waħdi nidħol fil-karattru. U nitlob ukoll lil San Ġinezju u lil Sant Antnin biex isibli l-linji mitlufin!

Dalwaqt se narawk ukoll fuq Ulied il-Lejl tinterpreta karattru ta’ soru. Għidilna ftit dwaru…

Ulied il-Lejl huwa għal qalbi ħafna għax kont mill-bidu nett mas-Sur Charles Stroud insibu locations u dak li jkun hemm bżonn mal-kru wkoll. Illum li l-filming huwa lest kollu nimmissja lil kulħadd għax konna veru qisna familja. Il-parti tas-soru ħdimtha għal qalbi ħafna. Is-soru tkun qalbha tajba però qatt ma tħalli lil ħaddieħor jgħaddiha biż-żmien. Ma nistax niżvela aktar imma l-karattru tiegħi tas-soru koka se nibdew narawh mis-sitt episodju.

Id-direttur ta’ Ulied il-Lejl, Charles Stroud, faħħar pubblikament is-sehem tiegħek fis-serje, mhux biss bħala attriċi iżda wkoll għall-għajnuna tiegħek minn wara l-kwinti. L-ewwel nett, xi tgħidilna dwar Charles Stroud? U kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek minn wara l-kwinti? X’sehem kellek?

Charles Stroud huwa bniedem ta’ dixxiplina u meta jidderieġi xi ħaġa jkun jaf x’inhu jagħmel. Kienet l-ewwel darba li ħdimt miegħu daqshekk mill-viċin u ma jiddispjaċini xejn għax nitgħallem ħafna minnu. Inzertajna li t-tnejn inħobbu l-epoka. Ix-xogħol ta’ wara l-kwinti huwa xogħol iebes u ta’ strapazz għax meta tkun trid tibda sett mill-bidu nett huwa ta’ taħbil il-moħħ. Charles ħadem ħafna ħafna u bl-għajnuna wasalna wkoll. Is sehem tiegħi kien li nsib il-locations, narmaw is-sett u peress li jiena għandi xi ftit props għen ftit ukoll. Grazzi tmur ukoll għas-sapport li nsib mir-raġel għax dejjem ikun hemm għalija.

Wara dawn il-proġetti, se nkomplu narawk fuq produzzjonijiet teatrali u televiżivi? Hemm xi pjanijiet oħra?

Qatt ma nista’ ngħid le Roberta. Hemm ħsieb għal xi ħaġa għas-sena d-dieħla imma s’hawn nista’ nasal. Nitkellmu fil-futur.

Kieku kelli ngħidlek li għandek opportunità li tieħu sehem f’serje televiżiva barranija li tixtieq int, liem tkun? U liem karattru tagħżel li tinterpreta?

Jekk tiġi opportunità għal serje televiżiva barranija naraw meta tasal. Però kieku kelli nagħżel naħseb nagħżel Il Segreto. Kull parti naċċetta għax nemmen li la tkun attur jew attriċi, tistudja l-karattru u tidħol għall-isfida, imma l-parti ta’ Pepa l-iktar li kont inħobb għax kien karattru tal-ġenn.

X’inhi d-definizzjoni ta’ suċċess għalik?

Is-suċċess għalija hu li kull parti li ninterpreta nwasslu lill-pubbliku mill-qalb. Meta niltaqa’ ma’ persuni u jgħiduli proset, għalija dak huwa suċċess għax inkun wassalt fid-djar tan-nies dak li jkun irid id-direttur mingħandi. Għalija, li nnissel tbissima fuq wiċċ dawk in-nies li jkunu għaddejjin minn xi sitwazzjoni diffiċli huwa suċċess ukoll.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks