Fil-ħajja niltaqgħu ma’ ħafna persuni li b’xi mod jew ieħor iħallu impatt fuqna u fuq ħajjitna, xi wħud aktar minn oħrajn.

Ċertament, Angele Muscat hija waħda minnhom. Angele Muscat kienet waħda mill-mistednin li Keith Demicoli kellu fuq is-sufan miegħu din il-ġimgħa, fl-istudjow ta’ TVAM.

Angele irrakkuntat meta t-tabib ta l-aħbar li l-kanċer, stadju 4, infirex ma’ ġisimha kollu. Dan ifisser li l-kanċer li għandha Angele ma jitfejjaqx iżda jsiru trattamenti biex is-sintomi jinżammu taħt kontroll. B’dan it-tagħrif f’moħħha, Angele qalet li staqsiet lit-tajbin kemm kien fadlilha ħajja, u kien proprju dakinhar li t-tabib qalilha li jekk it-trattament jirnexxi tista’ tgħix sa sentejn.

Irrakkontat li f’dak il-mument ħasset id-dinja taqa’ fuqha, partikolarment għaliex dak iż-żmien kellha t-tfal għadhom żgħar ħafna, tifel ta’ sena u nofs u t-tifla kienet se tagħlaq tliet snin. “Sentejn ma kinux biżżejjed għalija.”

Hija spjegat li minn meta skopriet id-dijanjosi sakemm bdiet it-trattament għaddew 6 ġimgħat, li kienu diffiċli ħafna għaliha. F’dak il-perjodu marret lura ħafna u spiċċat f’qiegħ ta’ sodda.

It-trattament ħadem tajjeb ħafna fuq Angele, madanakollu, lanqas kien perjodu faċli għaliex f’dak iż-żmien kellha tinfired minn mal-familja tagħha meta kellha tiffaċċja għażla bejn twaqqaf għal kollox l-attivitajiet ta’ kuljum tat-tfal tagħha minħabba xi mard li jistgħu jġibu u li jista’ jkollu konsegwenzi koroh fuqha jew inkella toħroġ hi mid-dar. Angele għażlet li toħroġ hi u marret toqgħod mal-ġenituri tagħha.

Stqarret li l-meditazzjoni għenitha ħafna u temmen f’possibilità u futur differenti għaliha. “Nemmen li jista’ jkun li ngħix aktar minn sentejn.” Fil-fatt, illum Angele mhux biss qed tħossha aħjar imma tħossha aktar aħjar minn qabel id-dijanjosi tagħha.

Impressjonanti huwa l-fatt li minn din l-esperjenza li Angele għaddejja minnha, iddeċidiet li tagħmel xi ħaġa biex tgħin lil ħaddieħor.

Angele għandha sit elettroniku, angelemuscat.com u permezz tal-esperjenza tagħha qed tagħmel differenza fil-ħajja ta’ persuni oħrajn.

L-akbar tagħlima li ħadet Angele minn dan il-vjaġġ diffiċli kienet li anki meta dak kollu ta’ madwarek, inkluż ġismek juruk li l-affarijiet huma ħżiena, jekk wieħed ibiddel il-perspettiva tiegħu u jemmen f’dik ir-realtà tista’ tiksibha.

Meta Keith staqsiha jekk taħsibx dwar il-mewt, Angele weġbitu li għalkemm ma tibżax mill-mewt, ma taħsibx dwarha, “għaliex inħoss li dik mhijiex ir-realtà tiegħi, ir-realtà tiegħi hija li ħa ngħix, ir-realtà tiegħi hija qiegħda nagħmel il-ġid, ir-realtà tiegħi hija li qed ngħix ħajja kuntenta, allura le, dik il-parti ma naħseb fiha xejn.”

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks