Fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Fr. Reuben Vella qasam l-istorja ta’ tifel Amerikan li minkejja l-isfidi li kellu f’ħajtu, kien ta’ ispirazzjoni għal ħafna nies, sal-aħħar nifs ta’ ħajtu.

Dan it-tifel, bl-isem ta’ Matthew Stanford, twieled b’diżabilità severa minħabba kumplikazzjonijiet li kien hemm waqt il-ħlas. Fil-fatt huwa twieled nieqes mid-dawl u parzjalment paralizzat.

Ftit kien hemm tama li dan it-tifel jgħix, madanakollu, huwa għex sa għaxar snin u minkejja d-diffikultajiet li kellu, wiċċu dejjem kien jixgħel bil-ferħ, qatt ma kien jidher imdejjaq. Din il-kuntentizza kienet ġejja anki mill-fatt li f’ħajtu kellu ħafna mħabba u għożża mill-ġenituri u l-ħbieb tiegħu.

Ħajjet it-tifel kienet tant ta’ ispirazzjoni għal ħafna nies u wara mewtu sar monument fuq il-qabar tiegħu. Monument sinifikanti u partikolari li jwassal messaġġ b’saħħtu, speċjalment għal dawk li jemmnu li wara din id-dinja, hemm ħajja oħra, ferm isbaħ minn ta’ din id-dinja.

Il-monument juri lit-tifel iqum bilwieqfa fuq is-siġġu tar-roti waqt li qed iħares ‘il fuq, lejn is-sema. Dan jirrappreżenta l-ħelsien mit-tbatija u l-mard li huwa kien għaddej minnhom f’ħajtu.

Permezz tal-ħajja ta’ Matthew Stranford, Fr. Reuben Vella wassal messaġġ li ta’ min wieħed jirrifletti dwaru u aktar minn hekk, jipprattikah f’ħajtu.

Kull mument tal-ħajja hu prezzjuż. Kull mument, iebes kemm hu iebes huwa pass ieħor lejn il-ħajja vera li nħlaqna għaliha. Il-ħajja wisq prezzjuża… ejjew ma naħluhiex! Fid-dinja kien hawn min ta ħafna anke mix-xejn tiegħu. Għalhekk ipprova minflok tara x’ser tieħu mill-ħajja, fittex iżjed x’tista’ tagħti mill-ħajja tiegħek. Minflok tara x’ser takkwista mingħand l-oħrajn, ipprova aħseb x’tista’ tagħti minn dak illi għandek. Jekk ngħixu hekk, l-imħabba turina li anke f’dak li jidher mitluf, fil-fatt hemm teżor moħbi. Ftakar li t-tajjeb li nkunu xerridna minn issa f’din il-ħajja għad nerġgħu nsibuh safi minn kull tinġis, f’ħajja ferm isbaħ li ma tintemmx.
Fr. Reuben Vella

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks