Miet ir-raġel Iranjan li kien ilu jgħix fl-ajruport ta’ Pariġi għal 18-il sena.

Minħabba diffikultajiet diplomatiċi, fl-1988, ir-raġel, Mehran Karimi Nasseri, għamel parti żgħira tal-ajruport ta’ Roissy Charles de Gaulle, Pariġi, bħala d-dar tiegħu.

L-istorja partikolari tiegħu ġibdet l-attenzjoni tal-midja internazzjonali tant li anki ispirat il-film The Terminal fl-2004, b’Tom Hanks bħala l-attur prinċipali.

Nasseri eventwalment ingħata d-dritt li jgħix fi Franza, iżda reġa’ lura l-ajruport ftit ġimgħat ilu, fejn, skont rapporti minn midja barranija, miet b’attakk tal-qalb.

Imwieled fl-1945 fil-provinċja Iranjana ta’ Khuzestan, għall-ewwel Nasseri kien telaq lejn l-Ewropa biex ifittex lil ommu.

Huwa għamel xi snin jgħix il-Belġju, wara li tkeċċa minn pajjiżi fosthom ir-Renju Uniti, l-Olanda u l-Ġermanja talli ma kellux id-dokumenti tal-immigrazzjoni korretti. Imbagħad eventwalment mar Franza, fejn beda jgħix fl-ajruport.

Minkejja li fl-1999 ingħata l-istatus ta’ refuġjat u d-dritt li jibqa’ Franza, huwa baqa’ jgħix fl-ajruport sal-2006, meta kien ittieħed l-isptar biex jingħata kura għal xi marda. Aktar tard, kien jgħix f’hostel bil-flus li kien irċieva mill-film.

Bilqiegħda fuq bank, imdawwar bl-affarijiet tiegħu, huwa kien iqatta’ l-ġranet tiegħu jikteb dwar ħajtu u jaqra l-kotba u gazzetti.

Huwa mar lura l-ajruport ftit ġimgħat ilu, fejn għex sakemm miet.

Rapporti minn midja barranija qalu li r-raġel instab b’diversi eluf ta’ ewro fil-pussess tiegħu.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks