“Dak żgur għax ma kellux aptit jiġi!” qalilha student ieħor, dik l-għodwa malli l-istudenti kollha sabu posthom fuq l-iskrivaniji relattivi tagħhom.
Instema’ d-daħk ġej mit-tfal kollha li kien hemm quddiemha.
“Issa oqogħdu kwieti ħalli nibdew il-lezzjoni,” qaltilhom tipprova tidher serja u komposta.
Miss Diane Curmi, li kienet tgħallem it-tielet klassi tal-iskola primarja tar-raħal, kienet qiegħda tinkwieta mhux ftit b’dawn l-assenzi kollha ta’ Christian. Dawn l-aħħar ġimgħat, iċ-ċkejken Christian kien qed jgħidilha kuljum li kien qed jaqbdu l-uġigħ f’żaqqu. Minħabba li ta’ spiss kien ikun maqtugħ għalih waħdu, mingħajr ħbieb, traskurat u xi ftit żgarbat, hi bilkemm kienet emmnitu. Ħasbet illi kien qed iġib l-iskużi ħalli jitlaq mil-lezzjonijiet u jmur id-dar. Iżda issa li kien ilu diġà xi ġimgħa sħiħa ma jiġix skola, l-għalliema kienet qiegħda titħasseb.
Dakinhar stess wara l-iskola, għalkemm kienet taf li mhux suppost tmur tagħmel viżti fid-djar tal-istudenti mingħajr permess, ħassitha obbligata li tmur tittawwal fid-dar ta’ Christian ħalli tara x’kien ġara eżatt.
Ħabbtet fuq il-bieb u daqqet il-qanpiena kemm-il darba.
Stenniet.
Reġgħet ħadet ċans tħabbat tal-aħħar. Iżda l-bieb baqa’ magħluq.
Eżatt malli kienet riesqa lejn il-karozza tagħha, semgħet vuċi tgħajtilha.
Diane ħarset lura u lemħet xwejħa qiegħda tħares lejha minn wara l-kantuniera.
“Min int?” staqsietha x-xwejħa li kienet liebsa fardal maħmuġ b’xi dqiq fuqu.
“Jien l-għalliema ta’ Christian,” qaltilha Diane.
“Ġejt tfittex lit-tifel?” staqsietha x-xwejħa.
“Iva,” weġbtiha.
Ix-xwejħa għamlitilha mossa biex tersaq eqreb lejha. Bdiet miexja lura minn fejn ġiet u sparixxiet bejn xi bini. Diane, peress illi ħasset li din ix-xwejħa setgħet tkun ta’ għajnuna, marret tħaffef warajha u nħasdet hekk kif sabitha quddiem wiċċha hekk malli lwiet il-kantuniera.
“Dak tfajjel twajjeb,” qaltilha x-xwejħa minn taħt l-ilsien, b’għajnejha mberrqin u turi s-swaba ta’ idejha mgħaddmin. “Miskin.”
“Għalfejn?” staqsietha Diane, tberraq għajnejha iżjed minn tagħha.
“Maħqur. Maħqur wisq. Ħadd ma jagħti kasu. Missieru jixrob, dejjem fis-sakra. U hu dejjem waħdu. Mitluq, mitluq.” Ix-xwejħa donnha kienet qiegħda tgħidilha sigriet kbir għaliex bdiet tħares ‘l hawn u ‘l hemm biex taċċerta ruħha li ħadd ma kien qiegħed jismagħha.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks