Il-porn jirreferi għall-vidjows jew ritratti b’kontenut ikkunsidrat espliċitu b’mod sesswali. Mhux kulħadd jara l-porn. In-nies li jaraw il-porn jarawh għal waħda jew iktar min dawn ir-raġunijiet: għal pjaċir sesswali, kurżità sesswali kif ukoll fantasija u esplorazzjoni sesswali.

Ċerti nies ma jiħdux pjaċir meta jsiru jafu li l-partner tagħhom qed jara l-porn. Dan jirriżulta li l-partner iħossu miċħud u ttradut. Iżda dan m’huwiex il-każ. Il-problema mhijiex essenzjalment li il-partner qed jara l-porn imma iktar il-fatt li l-partner qed jara l-porn bil-moħbi. Il-partner jagħżel li jara porn għal diversi raġunijiet. Tista’ ssib aktar tagħrif dwar dan minn hawn.

Fl-artiklu intitolat Għaliex in-nies jaraw il-pornografija?, iddiskutejna wkoll dwar kif ċerti familji għandhom nuqqas ta’ edukazzjoni sesswali. Iddiskutejna kif is-sess huwa magħruf bħala tabù anke fiż-żmien tal-lum.

Dan l-artiklu se jittratta diskussjoni dwar persuni li jħossu l-bżonn li jaraw il-porn bil-moħbi għaliex il-parter tagħhom taqbilx li dan isir.

Waħda mill-iktar raġunijiet għalfejn il-persuna l-oħra ma taqbilx li l-partner tagħha jara l-porn hija li għax taħseb li l-partner mhux qed jkun fidil lejha. L-infedeltà hija meta persuna ma tkunx leali fir-relazzjoni romantika tagħha. Meta ikkonfrontat dwar dan il-ħsieb, il-partner jista’ jkun li jgħidlek “Narah darba kultant ma fiha xejn ħazin” jew “Mhux qiegħed inħares lejn in-nies li niltaqa’ magħhom” jew inkella “b’hekk mhux qed nkun infedili.”

Importanti wkoll il-mod kif tiddiskutiha mal-partner. It-ton importanti ħafna għaliex jekk il-partner titkellem miegħu b’ċerta rabja jista’ jkun li jkun difensiv lejk u ma jkunx irid jiddiskuti aktar.

Meta persuna mhux qed tkun leali lejn il-partner is-soltu jkun hemm imġiba li l-persuna tagħżel li tagħmel li twasslu għal dan. Eżempju ta’ dan huwa li meta persuna teqlibhielek, tuża gideb u sigrieti. Meta persuna tkun ġo relazzjoni mħux dejjem issibha faċli taqbel mal-partner tagħha, għal diversi raġunijiet. Għal iktar tagħrif dwar dan, aqra dan l-artiklu.

Jekk inti tara l-porn bil-moħbi, qiegħed iżżommu sigriet mill-partner tiegħek. Jekk il-partner isir jaf hemm ċans li jkun hemm nuqqas ta’ fiduċja.

Hija parti essenzjali tar-relazzjoni li tafda lill-partner tiegħek. Meta tafda lill-persuna tħossok kunfidenti fik innifsek. Meta l-partner jara l-porn, mhux bilfors li jarah minħabba li hemm xi ħaġa nieqsa fir-relazzjoni. Għall-kuntrarju ta’ dan, għandu x’jaqsam mal-bżonnijiet tiegħu. Jekk hemm persuna li m’għandhiex ħsieb li tara l-porn, mhijiex problema, però ħudu ħsieb li ma ġġegħlux lill-partner jagħmel xi ħaġa li ma jridx. Mhux ħazin li xi ħadd jagħżel li jara l-porn, imma mhuwiex tajjeb jekk dan jinżamm bħala sigriet mill-partner.

F’kull relazzjoni hija importanti li fejn ikun hemm problema, il-koppja tiddiskuti u titkellem dwarha, hi kemm hi kbira jew żgħira. Jekk dan ma jgħinekx fir-relazzjoni tiegħek, fittex l-għajnuna professjonali. Importanti li ma żżommx f’qalbek għax hemm ċans li l-problema tikber u ssir agħar.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks