Membru tal-moviment River of Love ċaħad l-allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali fuq Abner Aquilina mressqa mid-difiża waqt is-seduta tal-bieraħ fejn il-Qorti kompliet tisma’ x-xhieda dwar il-qtil ta’ Paulina Dembska li seħħ fit-2 ta’ Jannar.

L-avukat difensur allega li fil-lejl ta’ qabel id-delitt, l-akkużat mar id-depot biex jara jekk Abner Aquilina irrapurtahx lill-pulizija wara li meta Aquilina raqad għandu, allegatament tah xi pilloli u abbuża minnu sesswalment.

Madankollu, il-membru tar-River of Love akkużat ċaħad l-allegazzjonijiet u qal li hu ma jagħmilx dawn l-affarijiet.

Skont rapport minn TVMNews, fost oħrajn, huwa xehed li lejlet l-ewwel tas-sena, Abner Aquilina qatta’ ġurnata baħar flimkien miegħu u persuna oħra, u “Ġesù,” li sostna li jinsab il-ħin kollu miegħu.

Kompla jgħid li wara li marru għal sessjoni ta’ River of Love, marru jieklu pizza u fi triqithom lejn id-dar, Abner qallu li kien se jorqod għandu, u meta waslu d-dar, hu ħa xi pilloli tal-irqad u Abner mar jorqod f’kamra separata.

Kompla jixhed li meta mar biex iqajjem lil Abner, ma sabux hemmx u wara li kellem lil omm Abner u qaltlu li ma kienx qiegħed għandha, u li hemm ċans li qiegħed l-isptar, huwa mar l-isptar imbagħad baqa’ sejjer id-depot.

Huwa xehed ukoll li għall-ewwel meta mar id-depot ma kienx jaf x’ġara, imbagħad meta qalulu l-pulizija, ixxukkja ruħu, u żied jgħid li, li kieku kien jaf x’se jagħmel ma kienx idaħħlu f’daru.

Meta mistoqsi jekk ġurnata qabel talbux fuq Abner, huwa wieġeb li kienu talbu bil-lingwa tal-ispirtu s-santu.

Il-kawża ġiet differita għat-22 ta’ Diċembru.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks