Il-mużiċista rebbieħa tal-Grammy Roberta Flack ma tistax tkanta wara li ġiet iddijanjostikata bl-ALS.
L-artista ta’ Killing Me Softly With His Song qed ikollha wkoll diffikultà biex titkellem, qal il-maniġer tagħha nhar it-Tnejn.
Flack, li għandha 85 sena, rebħet erba’ Grammy Awards u rċeviet 14-il nomina.
Il-ġimgħa se jkun qed jixxandar dokumentarju dwar ħajjitha fi New York. Hija għandha wkoll pjanijiet biex tippubblika ktieb għat-tfal f’Jannar.
Minbarra Killing Me Softly, li aktar tard kienet koperta mill-mużiċista Lauryn Hill, Flack hija magħrufa għal kanzunetti fosthom The First Time Ever I Saw Your Face, li nedietha wara li ntużat fil-film ta’ Clint Eastwood Play Misty for Me, u Feel Like Makin’ Love
Fi stqarrija, il-maniġer tagħha qal li l-kundizzjoni tal-ALS għamlitha impossibbli li tkanta u diffiċli anki biex titkellem.
Madankollu, żied jgħid li l-ALS mhix se ssikket lil din l-ikona, u Flack qed tippjana li tibqa’ attiva fl-attivitajiet mużikali u kreattivi tagħha.
Iż-żmien tat-tnedija tal-film u l-ktieb ta’ Flack is-sena d-dieħla jikkoinċidu mal-50 anniversarju tar-raba’ album tagħha Killing Me Softly With His Song, li ħareġ fl-1973.
Wara li l-kantanta sofriet puplesija fl-2016, hija qalet lill-aġenzija tal-aħbarijiet Associated Press li trid li l-kanzunetti tagħha jibqgħu mfakkra bħala “klassiċi” u mhux biss “hits antiki”.
