Bħalma f’Ottubru għandna l-Pink October, dan ix-xahar għandna l-Movember, fejn irġiel madwar id-dinja jħallu l-mustaċċi biex iqajmu kuxjenza u jinġabru fondi għas-saħħa tal-irġiel.

Novembru huwa x-xahar iddedikat għal aktar għarfien dwar is-saħħa tal-irġiel, speċifikament fuq il-kanċer tal-prostata, il-kanċer testikolari, is-saħħa mentali u prevenzjoni tas-suwiċidju.

Biex tkompli titqajjem il-kuxjenza dwar il-kanċer testikolari, huwa importanti li l-irġiel jagħtu każ ta’ xi boċċa, uġigħ fl-iskrotum t’isfel, toqol, jew akkumulazzjoni ta’ fluwidu fl-iskrotum, xi tip ta’ tkabbir tas-sider u nefħa f’wieħed mit-testikoli.

Fir-rigward tal-kanċer tal-prostata, m’hemm l-ebda mod faċli biex tittestja lilek innifsek fil-kumdità ta’ darek. Għalhekk kun żgur li tibbukkja appuntament għal viżti regolari għand it-tabib, ladarba tagħlaq it-30 sena.

Il-Movember iqajjem aktar għarfien ukoll dwar is-saħħa mentali u l-prevenzjoni tas-suwiċidju fl-irġiel. Huwa importanti li nagħtu importanza kbira lis-saħħa mentali għaliex hija għandha rwol essenzjali fil-benesseri ġenerali tagħna.

Inħeġġu lil dawk kollha li qed ibatu minn kwistjonijiet bħad-dipressjoni u disturbi ta’ ansjetà għal kundizzjonijiet bħall-iskiżofrenja jew id-disturb bipolari, biex iffitxu l-għajnuna u l-appoġġ.

Li tieħu ħsieb tiegħek innifsek huwa essenzjali. Tħallix aktar jiem jgħaddu. Ibda mil-lum!

It-tim ta’ Skoperta jħeġġek ukoll biex tkompli tgħin lil diversi għaqdiet li tant iqajmu kuxjenza u jgħinu fil-komunità tagħna, fosthom The Marigold Foundation u Richmond Foundation.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks