Il-preżentatur Jonnie Irwin żvela li ġie dijanjostikat b’kanċer terminali.

Ir-raġel ta’ 48 sena, li jippreżenta A Place in The Sun ta’ Channel 4 u Escape To The Country tal-BBC, qal lill-magażin Hello! li l-kanċer tal-pulmun infirex f’moħħu.

Filwaqt li stqarr li ma jafx kemm fadallu ħajja, qal li jittama li d-dijanjosi tiegħu tispira lin-nies biex jgħixu kull jum bl-aħjar mod.

Irwin, li għandu tifel ta’ tliet snin u tewmin ta’ sentejn kien żamm il-marda tiegħu privata s’issa.

Spjega li l-ewwel sinjali ta’ suspetti li kien hemm xi ħaġa mhix f’postha ġew fl-2020, meta waqt li kien qed isuq, waqt li kien qed jiffilmja A Place in The Sun fl-Italja, beda jara mċajpar.

Fi żmien ġimgħa minn wara li mar lura d-dar, kien qed jingħata jingħata sitt xhur ħajja biss.

Huwa rrakkonta n-niket u s-sens ta’ responsabbilità li ħass meta kellu jmur id-dar u jgħid lill-martu li kienet se tispiċċa waħedha, tant li skuża ruħu magħha.

Il-mediċina u l-kimoterapija għenu biex itawwal aktar ħajtu u baqa’ jaħdem u jgħix ħajtu kemm jista’ jkun normali.

Irwin żied jgħid li ħass li għandu jiżvela dak li għaddej minnu bl-għan li jgħin lil min hu għaddej minn sitwazzjoni simili, jara li “tista’ tgħix ħajja pożittiva, minkejja li tkun qed tmut.”

Filwaqt li qal li huwa konxju li dik il-ġurnata għad tasal, qed jagħmel minn kollox biex iżommha ‘l bogħod għall-itwal żmien possibbli.

Għalkemm ma jafx preċiżament kemm fadallu ħajja, qed jipprova jibqa’ pożittiv u jagħmel kemm jista’ memorji mal-familja tiegħu.

Huwa jħares lejn is-sitwazzjoni tiegħu bħala wieħed li qed jgħix bil-kanċer u mhux imut bih, u proprju dan il-messaġġ li jixtieq iwassal lil ħaddieħor.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks