L-edukatur Matthew Naudi ħalla din id-dinja wara li kien ilu mill-inqas xahar jikkumbatti ma’ battalja.
Il-mewt tiegħu tħabbret minn ħuh John Naudi.
Matthew Naudi, huwa magħruf partikolarmant dan l-aħħar għall-ħidma tiegħu fil-kulleġġ ta’ San Alwiġi, u għall-proġett Whiz Team Adventure, li tiegħu kien id-direttur maniġerjali.
Kien ukoll sapporter kbir tal-Milan.
F’kitba li kien tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu fit-3 ta’ Ottubru, flimkien ma’ ritratt li juri lilu fil-kamra tal-Isptar u bi tbissima li tant kien magħruf għaliha, Matthew fost oħrajn kiteb li “l-ħajja tippreżentalna vjaġġi u stejjer li ma nkunux qed nistennew u li permezz tagħhom ikollna l-opportunità li nsiru verżjoni aħjar tagħna nfusna.”
Huwa rringrazzja lill-familja, il-ħbieb, il-kollegi u lill-istaff mediku ta’ Mater Dei, u minkejja l-battalja li kien għaddej minnha, huwa qal li jinsab grat ħafna lejn il-ħallieq talli tah barkiet bħal dawn.
Il-ħajja tħobbni u jien inħobb il-ħajja. Grazzi lil kulħadd! Hemm ħafna ġid f’din id-dinja, li ta’ min jiġġieled għalih.
Ħafna familjari, ħbieb, kollegi u studenti esprimew in-niket għall-aħbar tal-mewt ta’ Matthew filwaqt li sellmu l-memorja tiegħu.
Kummenti li spikkaw u li kulħadd qabel dwarhom kienu dawk li fakkru l-pożittività u l-entużjażmu li kellu u kien jittrażmetti Matthew, u l-qalb tajba tiegħu li ħafna kellhom ix-xorti li jesperjenzaw.
Ċertament, il-legat li ħalla Matthew, se jibqa’ ħaj f’kull min xi darba jew oħra kien viċin tiegħu.
Fost il-kitbiet, kien hemm ukoll dik tal-kantant Kurt Calleja, li kien ħabib antik ta’ Matthew. Fil-kitba tiegħu, Kurt qal li għalkemm il-ħajja ħadithom f’toroq differenti, kull meta kienu jiltaqgħu, kienu iħossuhom daqslikieku ma kienx għadda ż-żmien.
F’isem it-tim ta’ Skoperta, insellmu l-memorja ta’ Matthew Naudi, u nwasslu l-kondoljanzi lill-familja, ħbieb u dawk kollha qrib tiegħu.
